Flimkien mal-istakeholders il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jagħmel pjan għall-Air Malta. Dan bħal ma kien għamel fl-2012 u li kien approvat mill-Kummissjoni Ewropea li iżda ġie injorat minn diversi ministri tal-Partit Laburista.

Dan ħareġ f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit Nazzjonalista u kelliem għat-Turiżmu Robert Arrigo, mill-Kelliem għall-Finanzi Mario de Marco u mill-kandidat għall-elezzjoni ġenerali Ivan Castillo.

Wara snin jiffanfra li reġġa' lura lill-Air Malta fuq it-triq ta' profitt u sostenibbilta, il-Gvern llum ammetta li falla u poġġa l-futur tal-linja nazzjonali f'periklu għall-istess eżistenza tagħha. Il-Gvern illum ammetta li tilef il-kredibiltá, ħa l-agħar deċiżjonijiet u nganna lill-ħaddiema.

Quddiem nuqqas ta' ideat biex jagħti ħajja lil-linja tal-ajru, il-Gvern għażel li jdur fuq il-ħaddiema, billi jkeċċi aktar min-nofs l-impjegati tal-kumpanija.

Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jappoġġja d-deċiżjoni li dawn il-ħaddiema jingħataw impjieg alternattiv mal-Gvern, dan se jkompli jgħabbi s-settur pubbliku aktar milli hu, b'piż dejjem akbar fuq it-taxxi mħallsin mill-Maltin u Għawdxin.

Il-Labour se jnaqqas 15-il miljun minn fuq il-kotba tal-Air Malta u jitfagħhom fuq is-settur pubbliku – li għadu kif żied 29 miljun ewro oħra  – b’dejn li laħħaq it-8 biljun ewro.

L-inkompetenza u l-qerq tal-Gvern ħareġ ċar meta l-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija David Curmi sostna li l-unika profitt li wettqet il-kumpanija fl-aħħar snin kien billi biegħet l-assi tagħha, dikjarazjoni li tgiddeb lill-Gvern stess li kien ħareġ jiftaħar li l-profitt kien sar grazzi għal management aħjar tal-kumpanija.

L-Air Malta waslet s'hawn wara li Gvern Laburista reġa' bidilha f'ballun politiku, b'Ministru kompletament maqtugħ mir-realta' u li issa mar jgħid lill-poplu Malti li d-dikjarazzjonijiet ta' sentejn ilu kienu kollha daħk fil-wiċċ.

Din l-aħbar hija ta' tħassib kbir għall-industrija tat-turiżmu li għaliha l-Air Malta huwa s-sors prinċipali ta' konnessjonijiet mal-bqija tal-Ewropa u l-falliment tal-Gvern f'dan il-qasam huwa ta' tħassib kbir hekk kif l-istess industrija qed tfittex li terġa' taqbad rankatura wara d-daqqa tal-pandemija.

Din l-aħbar hija xbieha tal-legat tal-Labour. Legat ta' korruzzjoni u falliment. Legat fejn il-ħbieb tal-Ministri jieħdu pakketti ta' mijiet tal-eluf, iżda l-ħaddiem leali u ħabrieki, għat-tieni darba mill-2013, jintwera l-bieb ta' barra.

Din hi d-differenza, Gvern Nazzjonalista kien kredibbli anke mal-istituzzjonijiet Ewropej, tant li fl-2012 approvawlu pjan ta’ ristrutturar. Il-Partit Nazzjonalista iddiskuta kontinwament ma kull in hu involut u mhux ħeba kollox sal-aħħar minuta, u hekk se jibqa’ jagħmel.

 

14.01.2022

Partit Nazzjonalista

About

Aħna lesti biex inkunu MIEGĦEK 💪 Miegħek. Għal Malta 🇲🇹 pn.org.mt