F’konferenza tal-aħbarijiet id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi u l-kandidat Nazzjonalista Errol Cutajar esprimew tħassib kbir dwar ir-rivelazzjonijiet li għamlet ilbieraħ il-gazzetta The Sunday Times of Malta b’rabta ma’ konvenju li għamel il-Prim Ministru Robert Abela u li jinvolvi allegat kriminal.

Id-Deputat Jason Azzopardi stqarr li l-Prim Ministru għandu l-obbligu legali daqskemm politiku li jwieġeb il-bosta mistoqsijiet li qed tagħmillu l-Oppożizzjoni Nazzjonalista dwar dak li ġie ppubblikat għax dak li ġie rrappurtat dwaru jkompli jagħmel ħsara lil pajjiżna.

Matul il-konferenza, il-Partit Nazzjonalista staqsa x’valur kellu dak il-konvenju u jekk hux minnu li involva l-miljuni tal-ewro. Staqsa wkoll x’kienet id-data, għal kemm żmien kien validu u jekk il-Prim Ministru hux lest jippubblikah. Il-PN staqsa xi kemm-il konvenju sar, xi kemm-il ċessjoni saret, xi kemm għadda żmien bejn il-konvenju u ċ-ċessjoni, jekk il-Prim Ministru għamilx qligħ miċ-ċessjoni, kif tħallsu l-flus u jekk jistax jippreżenta d-dokumenti fiskali b’rabta ma’ dan in-negozju ma’ allegat kriminal.

“Għall-Oppożizzjoni Nazzjonalista huwa vitali li l-Prim Ministru jispjega lill-poplu Malti min kienu l-partijiet, u jekk hux minnu li xi waħda mill-partijiet qed tiġi investigata dwar xi ħasil tal-flus jew jekk hux minnu li xi waħda mill-partijiet hija sieħeb fin-negozju tal-aħwa tal-Maksar li bħalissa għaddejjin proċeduri fil-qorti b’rabta ma’ żewġ omiċidji,” qal Jason Azzopardi.

“Il-Prim Ministru għandu jispjega wkoll x’kienet in-natura tan-negozju, x’tip ta’ proprjetà xtara, x’sehem kellu mill-konvenju oriġinali, jekk għamilx u tax parir biex isiru l-proċeduri meħtieġa ta’ due diligence, tas-sorsi tal-flus, u tan-know-your-client (KYC), b’mod partikolari meta wieħed iqis li hu persuna esposta politikament (PEP),” kompla jgħid Jason Azzopardi.

“Għall-Oppożizzjoni Nazzjonalista huwa importanti wkoll li Robert Abela jiddikjara jekk l-intenzjoni oriġinali tal-konvenju kinitx li jixtri l-proprjetà huwa stess, u kif kien beħsiebu jiffinanzja x-xiri. Jeħtieġ jispjega xi kemm-il negozju għamel il-Prim Ministru mal-klijenti tiegħu, jekk kellux clearance mill-Kamra tal-Avukati li tant tipprojbixxi negozju bejn avukat u klijent, u x’garanzija jagħti bl-evidenza li dan in-negozju ma kienx ħasil tal-flus minn allegati kriminal,” temm jgħid Azzopardi.

Tkellem ukoll il-kandidat Errol Cutajar li inkwadra dik l-aħbar dwar il-Prim Ministru fix-xenarju tad-diffikultajiet li qed iġarrbu l-Maltin u l-Għawdxin meta jiġu biex jagħmlu negozju jew xi depożiti tal-flus tagħhom fil-banek lokali, anke jekk ikunu ta’ ftit mijiet.

Sostna li filwaqt li l-familji u l-anzjani tagħna qed ibatu l-effetti tal-greylisting anke meta jiftħu kont il-bank jew jiddepożitaw il-flus, u filwaqt li l-aġenziji qed jiġru wara n-negozji ż-żgħar u s-self-employed minħabba l-iċken nuqqas, għandna Prim Ministru u gvern Laburista mifnija bl-allegazzjonijiet ta’ ħasil tal-flus u li wettqu negozju ma’ allegati kriminali.

“Bħala Oppożizzjoni Nazzjonalista se nibqgħu nisħqu li l-Prim Ministru għandu jwieġeb dawn il-mistoqsijiet biex ikun jista’ jnaddaf ismu u isem pajjiżna. Hu impossibbli li pajjiżna joħroġ mill-Greylist tal-FATF jekk ikollna Prim Ministru b’dawn id-dellijiet koroh fuqu,” qal Errol Cutajar.

Għall-Partit Nazzjonalista, Malta u l-poplu Malti verament jixirqilhom aħjar. Jistħoqqilhom gvern serju li għandu l-istima u l-kredenzjali biex inaddaf isem pajjiżna. Jixirqilhom Prim Ministru serju li għandu l-kwalitajiet meħtieġa biex joħroġ lil Malta mill-greylist mingħajr aktar telf ta’ żmien prezzjuż, għall-ġid tal-familji, tan-negozji, tal-investituri, tal-professjonisti u ta’ pajjiżna.

 

14.02.2022

Partit Nazzjonalista

About

Aħna lesti biex inkunu MIEGĦEK 💪 Miegħek. Għal Malta 🇲🇹 pn.org.mt