Il-Partit Nazzjonalista qiegħed juri biċ-ċar li dan huwa Partit li mhux biss lest li jisma’ imma li jkun il-vuċi ta’ kull persuna fis-soċjetà. Għalhekk li l-Partit Nazzjonalista ressaq numru ta’ proposti biex tissokta l-inklużjoni tal-komunità LGBTIQ. 

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-President tal-FOIPN Jamie Vella, il-Viċi President Rebekah Cilia u l-membru tal-FOIPN Stanley Portelli ħabbru numru ta’ proposti biex ikomplu jgħinu fl-inklużjoni ta’ din il-komunitá. 

Filwaqt li r-ranking ta’ Malta bħala pajjiz mexxej fil- qasam tad-Drittijiet LGBTIQ għandu jagħmilna kburin, tajjeb nżommu f’moħħna li kisbiet fil l-qasam tad-drittijiet ċivili u l-ugwaljanza qatt m’huma garantiti u jeħtieġu tisħiħ kontinwu li jirrifletti ir-realtajiet u l-isfidi preżenti. 

Nafu bħala fatt li hawn ħafna anzjani LGBTIQ ġejjin minn ġenerazjoniet fejn għal zmien twil kellhom bilfors jaħbu l-identità tagħhom, fejn reati omofobiċi kienu aktar kommuni, iżda illum il-ġurnata ftit li xejn nafu dwar x’effetti permanenti  din t-trawma ħalliet fuqhom. Nisimgħu ukoll b’każi ta’ anzjani LGBTIQ, li malli jaslu f’età fejn isiru aktar dependenti fuq familjari, carers jew assisted living facilities, dawn jagħżlu li jerġgħu jaħbu l-identitá tagħhom, minħabba biza li ma’ jiġux aċċettati. 

Għal dan il-għan Gvern ġdid Nazzjonalista ser ikun qed jaħdem id f’id f’kollaborazzjoni bejn il-gvern u l-Kummissjoni tal-anzjanità, sabiex issir riċerka iffinanzjata mill-gvern, fuq perjodu ta’ żmien stabbilit, u bil-għan li l-istess riċerka tidentifika kif ukoll toffri rakkomandazzjonijiet lill-gvern sabiex jiġu indirizzati l-isfidi identifikati u titjieb il-kwalitá tal-ħajja għal dawn il persuni. 

Partit Nazzjonalista fil-Gvern ikun qiegħed jinvesti f’ċentri reġjonali li fihom isiru attivitajiet għall-integrazzjoni aktar b’saħħitha tal-komunità LGBTIQ fi ħdan is-soċjetà, liema attivitajiet jindirizzaw b’mod partikolari l-problema tal-iżolament tal-anzjani, u dawk akbar fl-età, fi ħdan il-komunità LGBTIQ. Dan jista’ jsir b’kollaborazzjoni sħiħa mad-diversi Għaqdiet Non-Governattivi u Volontarji li jaħdmu f’dan il-qasam u li diġa’ illum iwettqu ħafna xogħol f’dan ir-rigward. 

Gvern Nazzjonalista wkoll jinvesti b’mod adegwat f’GU Clinic li jkollu l-finanzjament u l-istaff adegwat biex tkun jista’ jaqdi d-dmirijiet tiegħu bl-aħjar mod possibli.

17.02.2022

Partit Nazzjonalista

About

Aħna lesti biex inkunu MIEGĦEK 💪 Miegħek. Għal Malta 🇲🇹 pn.org.mt