Il-Forum Professjonisti Partit Nazzjonalista (FPPN) huwa mħasseb bl-iskiet itarrax tal-Prim Ministru Robert Abela fil-konfront ta’ fatti mill-aktar gravi li issa huma pubbliċi fil-konfront tal-Ministru Justyne Caruana. Dawn il-fatti jinstabu fid-dominju pubbliku mhux bħala frott ta’ għajdut imma frott il-ħidma serja u integra tal-Kummissarju għall-istandards fil-ħajja pubblika Dr. George Hyzler.

Fl-isfond ta’ sitwazzjoni fejn ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna tinstab mkissra bil-fama li pajjiżna sar safe haven għall-koruzzjoni u mġieba legalment u politikament skoretta, l-fatt li l-Prim Ministru jżomm sieket għal kollox dwar każ hekk gravi huwa tat-tħassib u juri li dan il-gvern għadu ma fehemx l’anqas l-aktar kunċetti bażiċi ta’ sistema fejn il-ġustizzja sseħħ u fejn m’hemm impunitá.

Tat-tħassib ukoll huwa l-fatt li l-pajjiżna bħalissa għalhekk għandu gvern li fejn tidħol l-edukazzjoni minflok qiegħed jiffoka fuq kif ser itejjeb il-kundizzjonijiet ta’ l-għalliema, kif ser jinvesti aktar fl-istudenti u fuq kif ser nsaħħu l-edukazzjoni f’pajjiżna għandu gvern li bħal donnu aktar mheddi joffri tarka lil Ministru li bl-aktar mod ċar mhijiex denja li tkun Ministru.

L-FPPN jemmen li jekk Justyne Caruana għandha nofs nitfa diċenza għandha minnufih toffri r-riżenja tagħha. Fin-nuqqas ta’ tali riżenja l-Prim Ministru Robert Abela għandu minnufih jneħħi lil Justyne Caruana min Ministru.

Partit Nazzjonalista

About

Jekk se tagħmilha fuq qalbek, tagħmilhiex. Imma jekk se tagħmilha ghax tħobb... Kun il-Bidla