Ejjew miegħi, ejjew magħna, għax aħna miegħek, MIEGĦEK GĦAL MALTA. Dan kien l-appell tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista li fih ġie approvat il-programm elettorali għall-elezzjoni tas-26 ta’ Marzu. 

Waqt id-diskors tiegħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista ħabbar li Partit Nazzjonalista fil-Gvern ser inaqqas it-taxxa għal 15%, u dan se jsir bi pjan u bi kwadru ta’ sostenibbilit. Gvern Nazzjonalista ser idaħħal sistema fejn kulħadd jaqbillu jekk ikun aktar sostenibbiltà u aktar responsabbli fuq l-ambjent, fuq it-tmexxija tajba u fuq il-qalb soċjali. 

Ser titwettaq bidla mill-qiegħ tal-programmi ta’ inċentivar fiskali permezz ta’ dan il-kunċett ġdid ta’ politika intiża biex in-negozji jiġu rikonoxxuti u inċentivati biex jikkonformaw mal-għanijiet soċjali, ambjentali u ta’ governanza ta’ pajjiżna. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ħabbar li n-negozji kollha li jagħmlu dak il-ftit sforz biex jgħinu sabiex nipproteġu l-ambjent u l-progress soċjali ser innaqqsulhom ir-rata tat-taxxa fuq il-qligħ tan-negozji għal 15% fuq l-ewwel €500,000 qligħ li jerġgħu jiġu investiti fin-negozju.

Barra minn hekk, fuq medda ta’ ħames snin, hekk kif il-qafas tal-ESG ikun sar parti integrali mill-politika fiskali tagħna, inniżżlu l-ogħla rata ta’ taxxa għal 25%, kemm għall-kumpaniji kif ukoll għall-persuni.

Dan ser isir  filwaqt li qed nintrabtu – iswed fuq l-abjad – li la ngħollu l-VAT u lanqas il-bolla. Issa nixtieq nistaqsi lil Robert Abela – inti tintrabat li ma tgħollix il-VAT? Għax aħna waslilna li għandek pjanijiet li terġa’ tagħti bl-id waħda u tieħu mill-oħra!

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ħabbar ukoll li l-programm elettorali hu mibni fuq:

  1. Il-viżjoni ta’ pajjiż modern iżda b’ruħ soċjali.
  2. Sisien ġodda għal kwalità tal-ħajja u ħajja sana.
  3. Sensiela ta’ programmi u proġetti biex ninvestu llum fl-ekonomija ta’ għada.
  4. Bidla radikali bi prijorità fil-politika ambjentali ta’ pajjiżna.
  5. Żvilupp infrastrutturali u l-immaniġġjar tar-riżorsi, speċjalment fl-enerġija.
  6. Azzjoni serja dwar is-sigurtà ta’ u ġewwa pajjiżna.
  7. Riformi biex nassiguraw ġustizzja u demokrazija vera.
  8. Ngħożżu s-sbuħija u l-identità ta’ Għawdex filwaqt li nkattru l-opportunitajiet għall-Għawdxin.
  9. Nassiguraw taxxi aktar ġusti u li jinċentivaw l-intrapriżi.
  10. Malta moderna tinħtieġ servizz pubbliku modern, diġitali u effettiv.
  11. Teknoloġiji avvanzati u innovazzjoni.
  12. Tingħata l-ogħla importanza lill-edukazzjoni biex nibnu soċjetà tal-għarfien (knowledge society) li hi l-bażi għall-ħolqien ta’ impjiegi fid-dinja tal-lum.
  13. Jintradd il-ġieħ u r-reputazzjoni li jistħoqqilha Malta, l-Art li tatna isimna.
  14. Politika serja għall-popolazzjoni u l-immigrazzjoni.
  15. Governanza tajba f’Kultura ta’ Integrità.

Fil-ġranet li ġejjin il-Kap tal-Partit Nazzjonalista se jkun qed jidħol f’aktar dettall tal-proposti f’dokument b’aktar minn 500 proposta differenti.

Dan hu l-manifest elettorali verżjoni elettronika: www.pn.org.mt/vision

Partit Nazzjonalista

About

Aħna lesti biex inkunu MIEGĦEK 💪 Miegħek. Għal Malta 🇲🇹 pn.org.mt