Il-pazjenti bil-kanċer u l-familji tagħhom jistħoqqilhom kwalitá ta’ ħajja aħjar. Il-karitá hija ġest nobbli u imprezzabbli iżda sfortunatament il-kura tal-kanċer saret tiddependi b’mod sporporzjonat fuq ir-rieda tajba ta’ għaqdiet u inizjattivi non-governattivi, u spiss twassal għal taqtiegħ ta’ qalb mingħajr bżonn u ineffiċjenzi fis-sistema tal-kura.

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Kelliem għas-Saħħa Stephen Spiteri, il-Kelliem għall-Politika Soċjali u l-Familja Claudette Buttigieg u l-kandidat għall-elezzjoni ġenerali Ian Vassallo, ħabbru numru ta’ proposti ta’ gvern ġdid Nazzjonalista b’rabta mal-ġlieda kontra l-kanċer.

Il-proposti mħabbra huma dawn:

L-Objettiv Ewlieni: Tingħata l-aqwa kura bioloġika lill-pazjenti bil-kanċer

Miżuri Relatati:

  1. Jiġi allokat il-finanzjament neċessarju biex tiġi offruta l-kura mingħajr ħlas permezz ta’ mediċini first-line kif ukoll second-line li jkunu approvati mill-Aġenzija tal-Mediċini Ewropea;
  2. Il-formolarju għandu jiġi aġġornat biex joffri l-aktar mediċini ġodda mingħajr il-bżonn li l-pazjenti jiddependu fuq entitajiet oħra u li jiżgura li l-gvern iqassam il-fondi pubbliċi aħjar;
  3. Jitwaqqaf Drug Fund li jkopri indikazzjonijiet speċifiċi biex pazjenti li jkunu eliġibbli jsibu l-għajnuna b’mod awtomatiku mingħajr il-bżonn ta’ proċessi burokratiċi;
  4. Jitwessa’ l-aċċess għal supportive medicines biex itaffu l-effetti kollaterali tal-medikazzjoni.

It-tieni objettiv ewlieni: Tiġi assigurata prevenzjoni f’waqtha qabel ma jkun tard wisq.

Miżuri Relatati:

  1. Il-programmi ta’ screening jinfetħu għal aktar etajiet biex, b’mod gradwali, jilħqu l-popolazzjoni sħiħa f’fażijiet differenti tal-ħajja;
  2. Jitnieda investiment strateġiku fl-assessjar ġenetiku (genetic testing) biex nilqgħu għall-kanċer minn kemm jista’ jkun kmieni;
  3. Nagħmlu qabża ta’ kwalita b’tagħmir tal-aħħar ġenerazzjoni billi naqilbu minn teknoloġija Linear Accelerator (LINAC) għal MR Linear Accelerator.

It-tielet objettiv ewlieni: Jiġi offrut appoġġ olistiku biex tittaffa t-tbatija lill-pazjenti u lill-familji tagħhom

Miżuri Relatati:

  1. Jinħoloq Walk-In Clinic li jopera 24 siegħa kuljum biex jagħti assistenza immedjata lill-pazjenti u lill-familjari tagħhom. Ma’ dan, titwaqqaf sistema diġitali ta’ electronic health għall-pazjenti tal-onkoloġija li jkunu qed jiġu ttrattati mid-dar sabiex ikunu jistgħu jiġu segwiti millprofessjonisti b’mod remot u aktar effettiv;
  2. Tiġi introdotti sistema moderna ta’ Ambulatory Chemotherapy biex il-pazjenti jkunu jistgħu jiġu assistiti minn djarhom stess. Dan jgħin biex jitnaqqas ir-riskju ta’ infezzjonijiet ulterjuri filwaqt li jkunu mmexxija aħjar ir-riżorsi fissi tal-isptarijiet;
  3. Jibdew servizz ta’ appoġġ u terapija għall-pazjenti u persuni oħra affettwati li jkun jinkludi wkoll il-faċilita ta’ pariri legali.

Ir-raba’ objettiv ewlieni: Ninvestu fl-aqwa riċerka u nesploraw l-innovazzjoni meħtieġa għall-aħjar kura għall-pazjenti bil-kanċer

Miżuri Relatati:

  1. Jitwaqqaf Clinical Research Unit li jagħti l-opportunita ta’ trial ta’ prodotti farmaċewtiċi innovattivi. Dan mhux biss jagħti tama ġdida lill-familji permezz tal-aktar soluzzjonijiet avvanzati, iżda jkabbar il-potenzjal ta’ Malta fis-settur tal-Life Sciences;
  2. Jiġi allokat budget annwali materjali biex il-gvern jinvesti fl-innovazzjoni onkoloġika (fosthom patoloġija, radjoloġija, radjoterapija) bl-għan li jiġi żviluppat Research Cluster ta’ eċċellenza fir-reġjun;
  3. Jiġu żviluppati aktar ftehim bilaterali ma’ pajjiżi bi speċjalizzazzjoni f’tipi ta’ kura partikolari (eż. il-Ġermanja) biex il-pazjenti jgawdu mill-kura ta’ kwalita għolja anke jekk din ma tkunx offruta f’Malta.

L-iskop ta’ dawn il-proposti hu li tingħata l-aqwa kura bioloġika lill-pazjenti bil-kancer b’emfasi fuq il-mediċinali mogħtija u għalhekk nassiguraw prevenzjoni f’waqtha bi programmi aktar adegwati u apparat apposta; jiġi offrut appoġġ olistiku biex tittaffa t-tbatija lill-pazjenti u lill-familji tagħhom, b’servizz ta’ 24 siegħa u b’kura fid-dar; u jsir investiment fl-aqwa riċerka u nesploraw l-innovazzjoni meħtieġa għall-ahjar kura għall-pazjenti bil-kanċer bit-twaqqif ta’ units speċjalizzati apposta u kollaborazzjoni internazzjonali.

Partit Nazzjonalista

About

Jekk se tagħmilha fuq qalbek, tagħmilhiex. Imma jekk se tagħmilha ghax tħobb... Kun il-Bidla