ŻOMM AĠĠORNAT:

Iktar saħħa lill-poplu

  • L-Oppożizzjoni tippubblika l-proposti tagħha għar-riforma Kostituzzjonali
  • Riforma Kostituzzjonali b'saħħitha biex jiżdiedu d-drittijiet taċ-ċittadini u jissaħħu l-istituzzjonijiet

 

20201805_PN_Photo_Riformi_Kostit.jpg

Qed inressqu l-proposti tagħna għar-riforma Kostituzzjonali għal Malta aħjar fejn iċ-ċittadini tagħna ma jħossuhomx iżjed żgħar quddiem il-politiċi u fejn il-politiċi jagħrfu li qegħdin hemm biex verament jaqdu u jservu liċ-ċittadini. Riforma b'saħħitha biex il-Kostituzzjoni tkun it-tarka tal-poplu, jiżdiedu d-drittijiet taċ-ċittadini u jissaħħu l-istituzzjonijiet tagħna biex qatt aktar ma jispiċċa jinħatfu mill-Gvern. Għalhekk l-Oppożizzjoni qed tipproponi:

  1. Il-President jibda jinħatar b'riżoluzzjoni tal-Parlament sostnuta minn żewġ terzi  tad-deputati kollha u jitneħħa bl-istess mod.
  2. L-organi Kostituzzjonali jiġu maħtura mill-President in kwantu għal nofs fuq parir tal-Prim Ministru u nofs fuq parir tal-Oppożizzjoni. Iċ-Chairperson tagħhom jinħatar b'żewġ terzi tad-deputati, jekk ma' jintlaħaqx dal-persentaġġ jinħatru mill-President li jaġixxi waħdu.
  3. Kull ċittadin jew għaqda mhux governattiva tista' tibda proċeduri fil-Qorti biex tattakka liġi bħal li tmur kontra l-Kostituzzjoni mingħajr il-bżonn li tipprova interess personali kif inhi s-sitwazzjoni llum. Kawżi oħra kontra l-Gvern jistgħu  jsiru, jekk wieħed jipprova xi interess mhux bil-fors ġuridiku u personali, kif inhi s-sitwazzjoni illum, b'sufficient interest bħal fir Renju Unit.
  4. Jinħatar Kummissarju kontra l-Korruzzjoni. Dan ikollu d-dritt li waħdu jibda proċeduri  fil-Qorti f'każijiet ta' korruzzjoni u l-Pulizija jridu jobdu ordnijiet tiegħu. Jinħatar u jitnehha b'żewġ terzi.
  5. Biex jiġu evitati abbużi, malli jxolji l-Parlament, il-Gvern ma jkunx jista' jdaħħal nies mal-Gvern, jagħti promozzjonijiet jew jagħti artijiet tal-Gvern jew jidħol f'kuntratti ta' appalt u servizzi.
  6. Kull sena l-Ombudsman ihejji rapport dwar rakkomandazzjonjiet tiegħu li ma gewx imwettqa mill-Gvern. Dar-rapport  jiġi diskuss fil-Parlament li jista' jsejjaħ xhieda ħalli jindaga għalfejn ma ġewx imwettqa t-talbiet tal-Ombudsman.
  7. L-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija jibdew jinħatru b'żewġ terzi tal-Kamra.
  8. Membri Parlamentari ma jistgħux joqogħdu fuq bordijiet ta' entitajiet pubbliċi jew ikunu diretturi jew managers, lanqas ma jistgħu jkunu konsulenti tagħhom sakemm ikunu membri tal-Parlament.
  9. Positions u/jew Persons of Trust jiġu ridotti għal erbgħa (4) f'kull Ministeru fis-Segretarjat Privat ta' kull Ministru u Segretarju Parlamentari.
  10. Kwalunkwe sentenza fi proċeduri barra minn Malta biex jintimidaw il-ġurnalisti Maltin f'kawżi ta' libell (SLAPP) ma jkunux jistgħu jiġu esegwiti f'Malta.
  11. L-imħallfin jiġi proposti minn Kumitat ta' Ħatra li fih il-ġudikatura jkollha maġġoranza ta' membri u appuntati mill-President li jaġixxi waħdu.
  12. Il-prerogattiva tal-maħfra titneħħa minn idejn il-Gvern tal-ġurnata u tingħata lill-President.
  13. Il-Qrati jkunu jistgħu jindagaw jekk il-Prim Ministru fuq rakkomandazzjonijiet vinkolanti  ta' organi jew awtoritajiet oħra jew jekk verament ikkonsultax ma' min kellu jikkonsulta skont il-Kostituzzjoni.
  14. Il-President ikun jista' jibgħat lura darba biss għal rikonsiderazzjoni, qabel ma jiffirmah, kull abbozz ta' liġi.
  15. Jinħatar Kunsill tal-Istat kompost minn eks Presidenti, Prim Ministri, Speakers u Prim Imhallfin li jistgħu jagħtu parir fuq liġijiet li jkunu għaddejjin mill-Parlament.

 

Dawn il-proposti m'humiex it-tmiem iżda l-bidu, qed jiġu mħabbra biex is-soċjetà ċivili, kull għaqda jew individwu li għandhom xi proposti x'jagħmlu jkunu jistgħu jagħmluhom, biex l-Oppożizzjoni, kif inhu d-dmir tagħha taħt il-Kostituzzjoni, tkun tista' tikkunsidrahom u fejn hemm bżonn tadottahom. Dan permezz tal-email: kostituzzjoni@pn.org.mt.

 

Agħfas hawn għall-proposti fid-dettall bil-Malti

Press here for detailed proposals in English