F’dan l-aħħar tmien snin l-iżvilupp urban kiber sew, b’mod li naqqar ħafna mill-ispazji miftuħa. Kiber sew tali żvilupp li f’ċertu każi sar mhux sostenibbli. Dan wassal għal nuqqas ta’ spazji miftuħa pubbliċi għat-tgawdija pubblika u r-rikreazzjoni tal-familji, żgħażagħ u tfal, b’mod li jħalli impatt fuq il-kwalitá tal-ħajja ta’ kulħadd.

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Kelliem għall-Ambjent Robert Cutajar, il-kandidat għall-elezzjoni ġenerali Janice Chetcuti, u l-President tal-MŻPN Gabriel Micallef, ħabbru numru ta’ proposti li kienu diskussi fi cluster dedikat apposta.

Il-kelliema ħabbru seba’ proposti li jiżdiedu ma’ proposti oħrajn li l-Partit Nazzjonalista ħabbar u li kienu r-riżultat tal-ħidma tal-clusters.

Dawn huma l-proposti:

  1. Nibnu tree map u green score għal-lokalitajiet kollha ta’ Malta u Għawdex.
  2. Investiment biex nagħtu spazji pubbliċi lura lin-nies, inħaddru t-toroq u nirriġeneraw wesgħat mitluqa fuq livell lokali.
  3. Zoni pedonali f’kull lokalità u parkeġġi pubbliċi li jinkludu infrastruttura għall-karozzi elettriċi.
  1. Nipproteġu l-bdiewa u r-raħħala li jħaddmu l-art bejn l-irħula u nsaħħu l-biodiversità urbana
  2. Insaħħu d-dritt għall-aċċess liberu f’postijiet pubbliċi fil-kampanja u l-kosta.
  3. Fond nazzjonali għall-protezzjoni ta’ binjiet u ġonna storiċi fil-lokalitajiet.
  4. Ninċentivaw inizjattivi ambjentali fid-djar residenzjali u binjiet okkupati minn NGOs.

Il-kelliema saħqu li l-Partit Nazzjonalista qed jaħdem flimkien ma diversi persuni involuti f’dan is-settur biex verament jipproponi politika li ġġib il-bidla. Huma fakkru kif il-Partit Nazzjonalista se jkun qed itella’ konferenza nazzjonali dwar it-tibdil fil-klima fil-ġimgħat li ġejjin biex il-politika tal-PN tkun verament dak li jridu n-nies.

Fl-aħħar ġranet il-Partit Nazzjonalista nieda l-kampanja ‘Kun il-Bidla’ bl-iskop li n-nies ikunu parteċipi fit-tfassil tal-politika. Din il-kampanja fl-ewwel jiem tagħha sabet appoġġ kbir b’mod b’partikolari permezz tan-numru ta’ viżitaturi li żaru s-sit www.kunilbidla.com.

 

Partit Nazzjonalista

About

Jekk se tagħmilha fuq qalbek, tagħmilhiex. Imma jekk se tagħmilha ghax tħobb... Kun il-Bidla