Fid-dawl tar-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-konfront tal-ministru Justyne Caruana li ġie ppubblikat aktar kmieni llum, il-pożizzjoni tal-ministru ma għadhiex tenibbli u għalhekk Robert Abela għandu jneħħiha immedjatament. Dan hu mument ta’ prova ieħor għal Robert Abela u diġá għadda biżżejjed żmien li matulu missu aġixxa.
Il-konklużjonijiet tar-rapport jikkonfermaw ksur ta’ kodiċi ta’ etika u trattament preferenzjali mill-Ministru Justyne Caruana lil Daniel Bogdanovic li ingħata direct order li għaliha la kien kwalifikat wisq anqas kellu l-kompetenza u l-ħiliet li jwettaq ix-xogħol li ġie fdat lilu. Ir-rapport tal-Kummissarju jagħmilha ċara li hemm potenzjalment ksur ta’ liġi li dwaru l-Pulizija għandha tieħu azzjoni.
Ma hemmx aktar ħin x’jintilef. Robert Abela għandu jaġixxi minnufih. Is-settur tal-edukazzjoni għandu bżonn ministru li jagħtih gwida u jinvesti fl-għalliema kif meħtieġ u mhux tberbiq u nfieq ta’ flus fuq ħbieb.
Karol Aquilina
Kelliem għall-Ġustizzja
Therese Comodini Cachia
Kelliem għad-Drittijiet Umani
u l-Governanza Tajba
Do you like this page?