Huwa ċar li Robert Abela għandu interess personali li jipprova jxebbah żewġ affarijiet kompletament differenti: ġid mhux spjegat u ħlasijiet differiti tal-VAT.

Irid li tittieħed azzjoni kontra deputat tal-Partit Nazzjonalista talli l-kumpanija tiegħu għamlet xi ħaġa li l-gvern ta’ Abela stess ħeġġeġ li jsir hekk: id-differiment ta’ ħlas ta’ taxxa dikjarata sabiex jingħata nifs lin-negozji li għandhom diffikultajiet u anke biex iħarsu lill-impjegati tagħhom.

Id-deputat imsemmi, David Thake, kiteb formalment lill-Kummissarju għall-Istandards fejn qed jitolbu investigazzjoni dwaru biex jassigura li hu fl-ebda ħin ma kiser l-istandards etiċi.

Min-naħa l-oħra Robert Abela jrid li deputat Laburista jevita l-konsegwenzi ta’ investigazzjoni mill-awtoritajiet tat-taxxa li sabet sa €1 miljun f’ġid mingħajr ebda spjegazzjoni.

Hawnhekk għandna każ ta’ deputat Nazzjonalista ieħor li ġie akkużat b'mod żbaljat mill-Pulizija. Huwa kien akkużat li ma ħallasx xi taxxa meta fil-fatt kien ħallasha, tant li l-akkużi kontrieh twaqqgħu. Sadattant deputat Laburista qed jeħlisha ħafif wara li naqas li jiddikjara sa miljun ewro.

Fl-aġir tiegħu li jkompli jipproteġi kriminali, Robert Abela jemmen li għandu jkun hemm liġi għall-allat u liġi oħra għall-annimali. Irid li sidien ta’ negozji żgħar  jiġu akkużati b’ħasil ta’ flus għal diskrepanzi żgħar fid-dikjarazzjonijiet tat-taxxa, filwaqt li għalih u għal sħabu kollox jibqa’ għaddej.

Biex ikun kredibbli, Robert Abela għandu jibda billi jippubblika d-dħul tiegħu tal-2016, li s'issa naqas milli jagħmel. Forsi għandu wkoll jiżgura li l-proprjetajiet u d-dgħajjes kollha tiegħu jkunu ddikjarati kif suppost.

Partit Nazzjonalista

About

Jekk se tagħmilha fuq qalbek, tagħmilhiex. Imma jekk se tagħmilha ghax tħobb... Kun il-Bidla