ŻOMM AĠĠORNAT:
Se naraw li l-ambjent ma jibqax kontra l-iżvilupp iżda jkun mutur ekonomiku ġdid li bih nattiraw investiment innovattiv – Adrian Delia
Il-PN se jkun qed iressaq l-aqwa soluzzjonijiet fejn in-nies ikunu ċ-ċentru tal-politika
“Se npoġġu l-ambjent fl-ogħla prijorità fejn inbidluh f’mutur ekonomiku ġdid. Fejn il-ħarsien tal-ambjent ma jkunx aktar kontra l-iżvilupp iżda nbidluh f’sors li nattiraw industriji nnovattivi ġodda.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta wieġeb il-mistoqsijiet li sarulu mill-ġurnalist Kurt Sansone waqt il-festi tal-Indipdenza fuq il-Fosos tal-Floriana.
Dr Delia tkellem dwar il-proġett tal-iżvilupp li tressaq f’Pembroke. Huwa qal li jinsab infurmat li dan il-proġett tal-iżvilupp ma ġiex propost skont ir-regolamenti u għalhekk ir-rappreżentanta tal-Partit Nazzjonalista Marthese Portelli se tkun qed tivvota kontra dan il-proġett, għaliex kif propost mhux fl-interess tar-residenti.
Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed iressaq ukoll ‘il quddiem, proġett ġdid tat-trasport pubbliku, li jkun wieħed nadif sabiex tissolva l-problema tat-traffiku fit-toroq. Dan biex ma jibqax ikollna r-raba’ l-agħar arja fl-Ewropa. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed juża r-riżorsi naturali sabiex tinħoloq enerġija alternattiva, biex jattira investiment innovattiv li jwassal biex il-pajjiż isir aktar ħadrani. Dan bil-kontra tal-Gvern li sal-lum dwar l-enerġija ma ġab xejn ħlief kuntratti moħbija li ma sarux fl-aħjar interess tan-nies.
Dr Delia qal li l-Partit Nazzjonalista se jġib l-investiment ġdid li ma jkunx biss il-bejgħ tal- passaporti. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista kien il-partit li ġab l-Indipendenza u għalhekk qatt ma jista’ jkun favur il-bejgħ tal-identità tagħna. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru għandu jkun statesman u mhux salesman tal-passaporti. Adrian Delia qal li apparti l- passaporti, l-Gvern ta tliet sptarijiet lil min lanqas biss kellu ġurnata waħda esperjenza fis-settur tas-saħħa u għalhekk huwa mar il-Qorti biex din tiddikjara null il-kuntratt tal-Vitals u l- isptarijiet jerġgħu jingħataw lura lin-nies.
Adrian Delia qal li matul iż-żmien, Gvernijiet Nazzjonalisti rnexxilhom jattiraw lejn Malta setturi ekonomiċi ġodda li għadhom qed joffru postijiet tax-xogħol liż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin, bħalma huma s-settur tas-servizzi finanzjarji, l-gaming, l-avjazzjoni u l- farmaċewtika. Huwa qal li l-Gvern Laburista ma attirax setturi ġodda innovattivi u minflok hawn ic-cheap labour u qed ikabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni u mhux bil-produzzjoni. Dan meta l-Gvern irid iġib 70,000 immigrant mingħajr pjan li se jaffettwa fin-negattiv, il-prezzijiet, il-pagi, l-kirjiet u x-xogħol. Dr Delia qal li l-Gvern għadu ma ndirizzax il-problema tal-housing soċjali, li ħoloq hu stess, u sal-lum għadu ma nieda l-ebda proġett tal-housing.
Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista kien il-partit li ġġieled għal-libertà tal-espressjoni f’Malta, mhux bħall-Gvern Laburista li jrid jagħlaq ħalq dawk li ma jaqblux miegħu. Huwa qal li meta nqatlet Daphne Caruana Galizia nqatel id-dritt tal-libertà tal-espressjoni, u dan b’theddida għad-demokrazija.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jrid jara tibdil fil-Kostituzzjoni biex jissaħħu l- istituzzjonijiet ta’ pajjiżna għaliex dawn inħatfu mill-Gvern. Adrian Delia qal li jrid jara governanza tajba fejn l-Avukat Ġenerali ma jiżbilanċax favur il-Gvern bi ksur tal- Kostituzzjoni, fejn il-Kummissarju tal-Pulizija ma jibqax sieket quddiem każijiet ta’ ħasil tal- flus, u fejn il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri jirriżenjaw għaliex kellhom strutturi ta’ kumpaniji fil-Panama, fejn il-Prim Ministru Joseph Muscat nefaq €1 miljun biex jipprova li hu ma kellux kumpaniji bħal tagħhom.
18.09.2018