ŻOMM AĠĠORNAT:
Sejħa għat-twaqqif ta’ inkjesta speċjali u għat-teħid ta’ azzjonijiet oħrajn dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia
Stqarrija tal-Kap tal-Oppożizzjoni wara l-aħħar żviluppi fil-Qrati, fil-Parlament u fil-media dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia
Fid-dawl tal-aħħar żviluppi dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, hu ċar li l- Gvern ma wettaqx dmiru sewwa la qabel il-qtil biex jipprevenih u lanqas wara biex jinvestigah sewwa u jsib min qabbad dan il-qtil.
Fost l-aħħar żviluppi hemm:
-
il-kundanna tal-Qorti Kostituzzjonali għall-mod kif tmexxiet l-investigazzjoni dwar dan
il-qtil bl-involviment tar-raġel ta’ Ministru;
-
l-ammissjoni li għamel fil-Parlament il-Ministru Chris Cardona li għandu qrubija ma’
wieħed mill-akkużati bil-qtil u li kien f’bachelor’s party miegħu; u
-
ir-rivelazzjonijiet fil-media Taljana li Chris Cardona rċieva telefonata mingħand l-istess
persuna li eżatt wara ċemplet lil wieħed mill-akkużati bil-qtil.
Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, l-Oppożizzjoni qed titlob lill-Gvern biex iwaqqaf kummissjoni speċjali, awtonoma u indipendent dwar dan il-qtil li tkun tgawdi fiduċja wiesgħa fil-pajjiż. Din il-kummissjoni speċjali għandha:
-
tidentifika n-nuqqasijiet li seħħew fil-protezzjoni li l-Gvern kellu jagħti lill-ġurnalista
maqtula u baqa’ ma tahiex;
-
tistħarreġ x’kienu jafu l-awtoritajiet dwar movimenti li kienu qed iseħħu u li setgħu
jindikaw theddida għall-ħajja ta’ Daphne Caruana Galizia; u
-
tinvestiga jekk l-awtoritajiet naqsux milli jaġixxu tempestivament fid-dawl ta’ dak li
kienu jafu biex jipproteġu ħajjet il-ġurnalista qabel inqatlet.
Apparti l-protezzjoni li messha ngħatat lill-ġurnalista qabel inqatlet, sena mill-qtil tagħha għad mhux identifikat il-mandant li qabbad li tinqatel. Din hi ħaġa gravi u ta’ import politiku kbir f’dan il-każ.
Għalhekk l-Oppożizzjoni qed titlob lill-Gvern:
-
Jgħid ċar x’għamel u x’għadu qed jagħmel il-Korp tal-Pulizija biex isib il-mandant li
qabbad dan il-qtil;
-
Ineħħi lill-Kummissarju tal-Pulizija preżenti li ġie kundannat mill-Qorti għal
investigazzjoni mdardra bl-involviment tar-raġel ta’ Ministru u li evidentement għandu
jkun taħt investigazzjoni tal-kummissjoni speċjali; u
-
Jaħtar Kummissarju tal-Pulizija serju li, anke jekk tard, jibda jidderieġi b’indipendenza t-
tiftix u l-qbid tal-mandant li qabbad dan il-qtil.
Adrian Delia
Kap tal-Oppożizzjoni u Kelliem għall-Ġustizzja u l-Governanza Tajba
11.10.2018