ŻOMM AĠĠORNAT:
Sena wara l-qtil ta’ Caruana Galizia l-poplu għadu qed jistenna li titwettaq gustizzja
Sena mill-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, l-poplu għadu qed jistenna li ssir ġustizzja. Dan il-qtil huwa minnu nnifsu theddida mill-aktar gravi għad-dritt ta’ kull ċittadin għal-libertà tal-espressjoni, għall-protezzjoni tal-ġurnalisti u għat-tħaddim tar-rule of law f’pajjiżna.
Il-qtil ta’ Caruana Galizia ħalla impatt qawwi wkoll fuq it-tħaddim tad-demokrazija u r- reputazzjoni ta’ pajjiżna, li wassal għal nuqqas ta’ fiduċja f’istituzzjonijiet fosthom fl- Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u fil-Kummissarju tal-Pulizija.
Il-Partit Nazzjonalista qed jitlob li għal inkjesta awtonoma u indipendenti sabiex jiġi stabbilit x’azzjoni ttieħed mill-awtoritajiet biex il-ġurnalista tingħata l-protezzjoni u jekk dan il-qtil setgħax ġie evitat. Il-poplu qed jistenna li ssir ġustizzja u li jkun hawn il-ħarsien sħiħ tas- sigurtà tal-ġurnalisti u l-whistleblowers. Sena wara, l-mandant ta’ dan il-qtil għadu ma nstabx u għadu ma tressaqx quddiem il-ġustizzja.
Il-Partit Nazzjonalista għandu r-rieda u l-ħeġġa li jerġa’ jsaħħaħ id-demokrazija u t-tħaddim tar-rule of law filwaqt li terġa’ tissaħħaħ ir-reputazzjoni tal-istituzzjonijiet f’pajjiżna. Għaliex il-ġustizzja mhux biss trid issir iżda trid tidher li qed issir.
16.10.2018