ŻOMM AĠĠORNAT:
Simon Busuttil jappella mir-ruling tal-Ispeaker dwar il-kontijiet bankarji ta’ Keith Schembri
L-eksKap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ippreżenta mozzjoni fil-Parlament biex jappella mir-ruling tal-Ispeaker Anġlu Farrugia, li waqqfu milli jippreżenta mistoqsijiet parlamentari fejn talab lill-Prim Ministru jgħid jekk iċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri għandux kontijiet bankarji f’Dubaj u fil-bank Pilatus.
Fil-mozzjoni tiegħu Simon Busuttil qal li din hija il-kwistjoni ta’ jekk iċ-Chief of Staff tal- Prim Ministru għandux kont bankarju f’Dubaj u fil-bank Pilatus hija kwistjoni dwar l-aġir taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, u hija ta’ interess pubbliku kbir u ovvju, aktar u aktar meta dawn il-kontijiet bankarji ssemmew waqt l-investigazzjonijiet dwar ħasil ta’ flus minn aġenziji pubbliċi bħall-FIAU u f’investigazzjonijiet internazzjonali bħall-Panama Papers.
Għalhekk meta żamm dawn il-mistoqsijiet milli jsiru, l-Ispeaker mar kontra l-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra u anki kontra l-Kostituzzjoni, li hija mibnija fuq il-prinċipji tad- demokrazija u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali.
Simon Busuttil żied jgħid li bir-ruling tiegħu, l-Ispeaker waqqaf u ċċensura Membru Parliamentari, flok iddefenda id-dritt tiegħu li jagħmel mistoqsijiet li jfittxu t-trasparenza u l- verita’, fl-interess pubbliku. Huwa għalhekk li dan ir-ruling huwa preċedent perikoluż fejn il- ħidma ta’ Membru Parlamentari qed tiġi limitati b’mod inaċċettabbli f’demokrazija.
Il-mozzjoni issa tiġi diskussa u mqegħda għal vot fil-Parlament.
Simon Busuttil
Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar Governanza Tajba
15.03.2018