ŻOMM AĠĠORNAT:
Simon Busuttil's Blog
Ċans Uniku...Nagħżlu Malta
L-ikbar stħarriġ huwa l-vot tagħna nhar is-Sibt li ġej. Għandna okkażjoni tad-deheb li nerġgħu nsiru poplu magħqud, ikollna pajjiż stabbli u reputazzjoni tajba li dejjem kellna. Illejla niltaqgħu fuq il-Fosos biex flimkien nuru li aħna preparati biex immexxu l-pajjiż il-quddiem u nkomplu nsaħħu l-Forza Nazzjonali li tgħaqqadna.
Qed nagħmluha ċara li aħna flimkien se mmexxu Gvern li t-tajjeb se nżommuh waqt li l-ħażin se nwarrbuh. L-ewwel ma rridu nwarrbu hija r-reputazzjoni ħażina li għamlilna Joseph Muscat fl-Ewropa u madwar id-dinja. Lanqas qatt fl-istorja ta’ pajjiżna ma konna assoċċjati ma’ pajjiż mifni bil-korruzzjoni. Ma nistgħux nippermettu dan kollu. U biex ma nippermettux dan, għażla waħda għandna quddiemna, li nhar is-Sibt nagħżlu Malta.
Se nagħżlu Malta għax konvinti li malli nġibu r-reputazzjoni lura, l-ekonomija tkompli tiġri l-quddiem u l-poplu kollu jgawdi mill-ġid li noħolqu lkoll flimkien.
Min hawn nirringrazzja u nammira lill-dawk l-eluf ta’ Maltin li fl-aħħar ġimgħat għarfu li din mhix elezzjoni bejn il-PN u l-PL iżda bejn Malta u Joseph Muscat.
Malli se nagħżlu Malta se nkunu qed jiggarantixxu li nerġgħu ngħixu b’moħħna mistrieħ; fejn l-istituzzjonijiet jaħdmu favur iċ-ċittadini u mhux jgħattu lit-tmexxija korrotta.
Illum għandna quddiemna fuq 500 proposta li huma fattibbli. Se jgħinu lil kull wieħed u waħda minnha ngħixu l-verament meritokrazija, kontabilità u governanza li jixraqilna lkoll.
Ma nistgħux nitilfu din l-opportunità. Ma nistgħux nibqgħu kif aħna. Ma nistgħux ngħalqu għajnejna. Flimkien ejjew Nagħżlu Malta.
Determinati li Naslu
Wasalna vera lejn l-aħħar. Għawdex ilbieraħ kienet esperjenza mill-aqwa u l-Għawdxin jafu li din id-darba l-Partit Nazzjonalista huwa l-partit naturali tagħhom. Illhom jistgħu jqabblu min verament għandu Għawdex u l-Għawdxin għal qalbu.
Aħna urejna bi pjan ċar kif ntejjbu l-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin b’mod radikali. L-għan hu wieħed li l-gżira Għawdxija tingħata ir-rispett, l-investiment, l-opportunitajiet li jixirqilha. Mhux se nagħmlu bħal ħaddieħor li ħaseb fl-Għawdxin erbat ijiem qabel l-elezzjoni biss. Gvern immexxi minni jiżgura li jerġa’ jkollna soċjetà ġusta u min għandu bżonn l-għajnuna se jsib Gvern li jgħinu, matul il-ħames snin sħaħ.
Ħbieb tiegħi, agħmlu kuraġġ. Ħaddieħor għaddej b’kampanja ta’ biża’ biex jippruvaw jaqtawlna qalbna. Il-Forza Nazzjonali hija ikbar minn kull interess personali tal-klikka ta’ Kastilja. Kastilja jixirqilha nies li jservu lill-poplu u mhux jisservew bil-poplu.
Muscat jista’ jagħmel proposti kemm irid u jikkopja kemm irid mill-proposti tagħna għax la m’għandux l-integrità, l-ebda politika ma tista’ tmexxi ‘l quddiem il-ħajja tan-nies.
Biss irridu nibqgħu nikkonvinċu sal-aħħar. Il-poplu Malti u Għawdxin jifhem il-mument li ninsabu fih. Inħeġġiġkom biex għada tingħaqdu magħna fuq il-Fosos tal-Furjana għall-mass meeting ta’ għeluq il-kampanja.
Inħeġġiġkom biex nhar is-Sibt tivvutaw għall-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista u l-Partit Demokratiku. B’hekk biss niżguraw rebħa għall-Forza Nazzjonali u rebħa għal Malta.
NAGĦŻLU L-FUTUR TAGĦNA
Il-messaġġ tagħna f’din l-elezzjoni bikrija huwa li Malta ma tixraqiliex tmexxija li sserviet bil-Maltin u l-Għawdxin għall-gwadann personali. Il-Partit Nazzjonalista għandu għan wieħed, li jerġa’ jagħti lura l-istabilità u r-reputazzjoni tajba li dejjem kellna qabel ma Joseph Muscat ħammeġ isem pajjiżna. Għalhekk l-elezzjoni bikrija hija għażla bejn Joseph Muscat u Malta.
Jien konvint li erbat ijiem qabel l-elezzjoni, bosta jafu li dak li qed tgħid il-Forza Nazzjonali huwa loġiku, raġunat u s-sewwa. Jonqos biss li nissiġillaw it-twemmin tagħna, il-ħolma tagħna u l-aspirazzjoni tagħna. Ejjew nhar is-Sibt nagħtu lil pajjiżna futur aħjar billi ma nħallux iktar min jisserva bina.
Jgħidu x’jgħidu, il-Partit Nazzjonalista għandu proposti mill-aqwa biex is-sentiment ekonomiku li hawn ikompli jikber. Li se nagħmlu differenti mill-Gvern ta’ Muscat hu li nonfqu l-ġid li qed inkattru b’mod sew u mhux nagħtu l-ftit lill-ħafna u l-ħafna lill-ftit. Aħna ntrabatna li nkomplu u nsaħħu dak li hu tajjeb iżda hemm ħafna iktar affarijiet li waqajna lura fl-aħħar erba’ snin u dawn se nerġgħu inqajmuhom fuq saqajhom. Fost dawn l-investiment serju fit-toroq tagħna, fejn fl-aħħar 4 snin ma sar xejn ħlief li issa għax ġejja l-elezzjoni qed jirranġaw Buġibba u l-Qawra. It-toroq li lestew jew qed jagħmlu huma kollha proġetti li bdew qabel l-2013 bħal Triq Il-Kosta u l-flyover tal-Kappara.
Aħna se nagħtu nifs lill-ambjent. Il-Partit Nazzjonali llum huwa verament il-partit tal-Ambjent. Se nieħdu l-aqwa żewġ deċiżjonijiet ambjentali li Joseph Muscat ma jafx, ma jridx u ma jistax joħodhom. Se nsalvaw iż-Żonqor u se nagħtu l-Whiterocks lin-nies u mhux lill-ispekulaturi.
Din hi Forza Nazzjonali tar-raġuni, tas-sewwa u tal-onestà. Issa jekk trid xinxilli biss, tberbiq ta’ flus il-poplu bl-addoċċ u trid tgħid ħames snin oħra ta’ korruzzjoni, allura agħżel lil Joseph Muscat. Iżda jekk trid Gvern li jiżgura li tgħix trankwill, tieħu li hu tiegħek bi dritt u li jkompli jżid l-opportunitajiet biex tgħix aħjar, allura għażla waħda għandek nhar is-Sibt. Agħmel bħali u Agħżel Malta.
IS-26 ĠURNATA: DETERMINATI BIEX INMEXXU GVERN TAN-NIES, GĦAN NIES
L-eluf ta’ nies li mlew Tas-Sliema lbieraħ kienu inkredibbli. Il-vera Forza Nazzjonali. Baqa’ ħamest ijiem biss biex insemmgħu leħinna. Ejja nkomplu nikkonvinċu li dak li bdejna flimkien, nwettquh biss bl-appoġġ sħiħ ta’ kull min għandu rieda tajba.
Ninsabu mhux biss preparati iżda determinati aktar minn qatt qabel li mmexxu l-pajjiż fid-direzzjoni vera li jixraqlu. Joseph Muscat issa qalilna li għandu “iktar esperjenza biex imexxi l-pajjiż”. Dażgur!! Anke Keith Schemmbri u Konrad Mizzi għandhom iktar esperjenza kif jiftħu kontijiet sigrieti, jiffirmaw il-kuntratti minn wara dahar il-poplu u jbillu subajhom mill-proġetti bi flus il-poplu. Vot lil Joseph Muscat huwa vot għal iktar esperjenza ta’ qerq u korruzzjoni. Iżda konvint li l-poplu ma jridx. Il-poplu jrid bidla li verament stenna fl-aħħar 4 snin. Il-Partit Nazzjonalista illum hu mimli ideat, mimli entużjażmu u mimli rieda biex ikun it-tarka tal-ħaddiema li jistennew xogħol ta’ kwalità ; tan-negozjanti li jridu jkattru x-xogħol billi jikkompetu f’ambjent ta’ level playing field. Se nkunu ta’ sostenn għall-anzjani, mhux biss billi nżidu l-pensjonijiet iżda noffrulhom ambjent tajjeb fejn jistgħu ikomplu joffru kontribut sħiħ lill-pajjiżna. Se nkunu kuljum maż-żgħażagħ, inħeġġuhom u ngħinuhom jesprimu t-talenti u l-ħiliet tagħhom.
Aħna se mmexxu Gvern li jkun tan-nies għan-nies. U dan se nagħmluh bil-fatti u mhux bħal ħaddieħor li qal li dak li wiegħed wettqu. Iżda l-poplu m’għandux memorja qasira. Joseph Muscat wiegħed meritokrazija u ta xogħol u kuntratti lil tal-qalba; wiegħed kontabilità u ffirma kuntratti kbar mingħajr ma nafu x’fihom; wiegħed tolleranza zero għall-korruzzjoni u għadu s’issa jiddefendi dak li għamlu Keith Schembri u Konrad Mizzi; wiegħed proġetti kbar u kull ma fetaħ kienu dawk il-proġetti li bdejna aħna.
Meta tqis kollox, il-Gvern ta’ Muscat ta l-loqom lin-nies iżda ħa ħafna għalih. Il-Partit Nazzjonalista jwiegħed li jagħti lura lin-nies dak li verament huwa tan-nies. Aħna llum verament il-Partit tal-Ħaddiem; il-Partit favur l-Ambjent; Il-Partit favur is-Sewwa u l-Onestà . U għalhekk nhar is-Sibt se Nagħżlu Malta
L-25 Ġurnata: L-aħħar ġimgħa, l-aħħar sforz
Dħalna fl-aħħar ġimgħa tal-kampanja elettorali. Insellem li min diġa għamel dmiru u vvota lbieraħ. Grazzi ukoll tal-għajnuna u s-somma sabiha miġbura waqt il-maratona ġbir ta’ fondi. Stenbaħna l-Ħadd filgħodu b’diversi artikli fuq il-gazzetti. Insellem lis-Sur Philip Rizzo, l-eks CEO tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada li se jingħaqad mal-Forza Nazzjonali bil-vot tiegħu nhar is-Sibt li ġej.
Infatti għalina l-ikbar poll hu nhar is-Sibt li ġej. Iżda jekk inti ndeċiż x’se tagħmel, nitolbok tiżen is-sitwazzjoni ta’ pajjiżna, il-mument kruċjali li ninsabu bih u dlonk tintebaħ kemm teħtieġ il-bidla. Hemm bżonn bidla biex Malta terġa tmur lura għat-triq tas-sewwa, tal-onesta’ u tas-serħan il-moħħ. Aħna lkoll jixraqilna mill-ġdid il-ġid, ġustizzja u liberta. Il-Partit Nazzjonalista qed iwiegħed kontinwita’ ekonomika iżda se jara li l-ġid jitqassam iktar b’mod gust u jilħaq is-saffi kollha tas-soċjeta’. Il-Partit Nazzjonalista se jiżgura ġustizzja. Ma jistax ikun li jkollna Istituzzjonijiet bħall-pulizija li jibqgħu iċċassati u ma jiħdux azzjoni quddiem il-każi ta’ korruzzjoni. Grazzi lill-mezzi tax-xandir serji f’pajjiżna li llum rrappurtaw f’jgħidu r-rapporti tal-FIAU li ppubblikajt waqt id-dibattitu f’Xarabank. Aqrawh wieħed mir-rapporti investigattivi tal-FIAU li jagħti sekwenza tal-flus li għaddew minn Keith Schembri għal Brian Tonna mill-kumpaniji sigrieti. Ir-rapport jgħid ċar u tond li għandu jkun hemm investigazzjoni ulterjuri mill-pulizija u dawn baqgġħu ma għamlu xejn. Kif jista’ jkun Joseph Muscat jgħajjarna giddibin quddiem il-fatti miktuba iswed fuq l-abjad. Tgħid kif ppunta subajh lejn il-maġistrat, jipponta ukoll lejn l-uffiċċjali li nvestigaw u kitbu r-rapporti tal-FIAU? Jew se jgħid li qabbadthom jien jiktbu hekk?! Iva se nagħmlu ġustizzja għax il-pajjiż mhux ghax il-pajjiż hekk jixraqlu biss iżda għax hekk irid il-poplu. Jekk issir il-ġustizzja verament niżguraw pajjiż liberu fejn il-Gvern iservik u mhux jisserva bik; fejn l-istituzzjonijiet jagħmlu xogħlhom bla xkiel.
Ejjew inkomplu nkabbru l-Forza Nazzjonali. Illum f’Ta’ Sliema nkomplu nsemmgħu leħinna favur pajjiżna. Flimkien Nagħżlu Malta.
L-24 Ġurnata: Nitkellmu bil-fatti
Bosta minnkom raw id-dibattitu fuq Xarabank ilbieraħ. Kont onest, ippreżentajt il-fatti, u tkellimt f’ismek dwar affarijiet serji li Joseph Muscat ma jridx jgħidhomlok, anzi jrid inessihom.
Ħaddiehor prova jħammeġ, b’gidba wara l-ohra u jmaqdar dak kollu li b’serjeta’ qed nipproponu f’isem il-Maltin u l-Għawdxin kollha.
Aħna, f’kull ma nagħmlu qed nuru r-rispett tagħna lejn il-poplu billi ngħidulu l-verità kollha kif inhi. Għaliex din hija l-politika li rrid nagħmel jien: politika mibnija fuq il-verità.
Il-verita’ hi miktuba fir-rapporti tal-FIAU li jien ippubblikajt għax ma flaħtx nara lill-Prim Ministru jibqa' jigdbilkom b'mod daqshekk sfaċċat. Issa kulħadd jista’ jaqra b’għajnejh u jiddeċiedi min qed jgħid il-verita’. L-FIAU ma ċaħdu l-ebda virgola li fir-rapport iżda qalu li l-investigazzjoni mhix konklussiva. U ngħid jien għala mhix konklussiva? X’qed jistennew l-Istituzzjonijiet biex jieħdu azzjoni. Għalhekk aħna nikkritikaw il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Awditur Ġenerali għax dawn kienu fid-dmir li jieħdu azzjoni fuq rapport li ilum ix-xhur f’idejhom.
Dawn ir-rapporti tistgħu tarawhom hawn:
- IR-RAPPORT TAL-FIAU LI JIKXEF IL-KORRUZZJONI TA' KEITH SCHEMBRI MILL-BEJGĦ TAL-PASSAPORTI
- IR-RAPPORT TAL-FIAU DWAR PILATUS BANK
- IR-RAPPORT TAL-FIAU DWAR IL-PAGAMENTI LI GĦADDEW MINN KEITH SCHEMBRI LIL ADRIAN HILLMAN
- DOKUMENTI TA' WĦUD MILL-PAGAMENTI LI KEITH SCHEMBRI GĦADDA LIL ADRIAN HILLMAN
Jien qed nitlob il-fiduċja tagħkom għax m’għandix interess nigdeb lill-poplu iżda għandi interess wieħed biss: li nergħu nagħtu Gvern tan-nies lin-nies.
Id-deċiżjoni tat-3 ta' Ġunju hija deċiżjoni kruċjali.
Hija deċiżjoni bejn klikka korrotta u opportunita' sabiex naqilbu l-folja u nibdew politika ġdida.
Hemm bżonn niktbu paġna ġdida fl-istorja ta' pajjiżna u bżonn Gvern li joffri stabbilità vera.
Għandi fiduċja li l-poplu Malti qed jara x'qed jiġri u jaf x'se jagħżel.
Għandi fiduċja f'ħafna Maltin u Għawdxin li jridu jgħixu ħajja b'moħħhom mistrieħ.
Għandi fiduċja li flimkien miegħi, se nagħżlu lil Malta.
It-23 Ġurnata: Nagħtu lura Gvern tan-nies lin-nies
Dan hu l-aħħar weekend tal-Kampanja qabel is-Sibt tal-ġimgħa d-dieħla nivvutaw fl-elezzjoni ġenerali bikrija. Irnexxielna nwasslu żewġ messaġġi importanti: Neħtieġu tindifa fis-sistema politika mill-qiegħ u nagħtu lura Gvern tan-nies lin-nies. Joseph Muscat ilu kampanja sħiħa jiddefendi dak li mhux difensibbli, jaħrab ix-xandiriet jew l-intervisti politiċi fejn iħoss li mhux jilgħab home u jkompli jġib lilu nnifsu l-ewwel qabel il-ġid Nazzjonali. Iva trid taqa’ f’livell assurd u prużuntuż biex tgħid li l-istorja ta’ Egrant kienet ivvintata mill-Kremlin. Ir-Russja ċaħdet dan u mhux għax kien hemm għalfejn jagħmlu. Anke l-akkolti ta’ Muscat jafu dan u issa qed idawruha li Muscat qal hekk għax ġie mistoqsi mill-Ġurnalisti. L-Ebda PM serju ma jitkellem b’dan il-mod iżda Joseph Muscat qed jiggranfa ma kollox biex jaħbi l-involviment tiegħu fix-xibka ta’ korruzzjoni li ħakmet il-pajjiżna. Ma nistax ma nistagħġibx bi kliem Muscat ilbieraħ filgħaxija meta ppunta subajħ lejn il-Maġistrat inkwerenti. Bħallikieku mhux hu sejjaħ elezzjoni bikrija flok warrab u stenna l-eżitu bla tfixkil tal-investigazzjonijiet kollha li għaddejjin. Imma dan Muscat ma ridux għax għajjat elezzjoni bikrija biex jipprova jkompli jiggranfa mal-poter biex jgħatti l-korruzzjoni. Kif tista’ tafda Gvern bi tmexxija bħal din fejn minn banda jgħidlek li jiddispjaċih tal-iżbalji li għamel u mbagħad iħalli mas-saqajn l-istess nies li daħluna fi sqaq. Il-poplu jaf li dan l-isqaq noħorġu minnu biss jekk fit-3 ta’ Ġunju nagħżlu Malta.
Quddiem dan kollu, il-Partit Nazzjonalista huwa ppreparat sew biex jkompli jagħti spinta l-quddiem lill-pajjiżna. Għandna proposti konkreti u fattibli li ma jinsew lil ħadd. Se ngħinu l-faxex kollha tas-soċjeta’, se noħolqu 30,000 impjieg ta’ kwalita’ mas-settur privat, se nagħtu nifs lill-ambjent b’deċiżjonijiet b’saħħithom dwar iż-Żonqor u l-Whiterocks, se nsaħħu l-edukazzjoni u nkomplu niggarantixxu saħħa b’xejn.
Iżda kif tafu l-akbar proposta f’dan kollu hija li l-elezzjoni tat-3 ta’ Ġunju se tkun deċiżjoni għall-ġejjieni ta’ Malta. Għaldaqstant inkompli inħeġġiġkom biex tgħinu l-Partit għada billi tieħdu sehem u tikkontribwixxu waqt il-maratona ġbir ta’ fondi.
Ejjew flimkien nuru li bejn il-klikka ta’ Muscat u l-futur ta’ pajjiżna, in-nies ħa jmorru bi ħġrahom sabiex flimkien jgħaddu messaġġ ċar li jgħid “Jien Nagħżel Malta”.
It-22 Ġurnata: 521 proposta, għalik
Wara xhur sħaħ nfehmu l-pjan ċar li għandna, kburi li lbieraħ ppreżentajna aktar minn 500 proposta fattibli kif se nerġgħu nsaħħu l-kredibilità ta’ pajjiżna u nqasmu l-ġid lis-saffi kollha tas-soċjetà. Tinsewx mal-manifest elettorali li ppublikajna ilbieraħ hemm 100 proposta apposta għal Għawdex, 100 proposta għaż-żgħażagħ u 321 għas-settur kollha tas-soċjetà Maltija. Dawn il-proposti kollha huma l-patt mal-poplu għall-5 snin li ġejjin. Il-proposti taghna jinkludu iktar flus fil-bwiet tal-familji tagħna, tal-anzjani tagħna u opportunitajiet aħjar għaż-żgħażagħ li huma l-futur ta’ pajjiżna. Il-proposti jerġgħu jagħtu nifs lill-ambjent u ma nkomplux bir-ritmu mgħaġġel li neqirdu l-ambjent naturali f’pajjiżna. Se niżguraw li kwalità ta’ saħħa aqwa u b’xejn waqt li ntejbu l-edukazzjoni u d-drittijiet ċivili. Iżda fuq kollox qed nintrabtu bil-fatti li nagħtu l-pajjiż governanza tajba, kontabilità ikbar u tmexxija serja u onesta. Il-Partit ta’ Joseph Muscat lanqas kelma waħda fuq dan ma jlissen fil-manifest elettorali. U żgur li ma jgħid xejn għax vera ‘il-ħuta minn rasha tinten’. It-tmexxija tal-Partit Laburista huwa mifni bil-korruzzjoni u għalhekk ma jitkellimx fuq governanza tajba.
Iktar minn hekk, waqt li aħna qed infehmu kif se nwieġbu għall-għatx għas-sewwa minn nies, Joseph Muscat kompla jżid fil-gideb biex jipprova jiggranfa biex ibellagħha l-poplu li l-korruzzjoni li japprova hu ma teżistix. Qalilna l-bieraħ li l-whistleblower hija persuna qrib il-Kremlin Russu. Bħal sajjetta fil-bnazzi, Muscat qal li l-provi dwar Egrant ġew iffabbrikati mill-President tar-Russja Vladimir Putin. Dan sar, skont Muscat, biex il-Gvern Russu jpattiha lill-Gvern Malti għaliex ma ħalliex vapur Russu li kien fi triqtu lejn is-Sirja jidħol fl-ibħra Maltin għal refueling f’Ottubru 2016. In-nies daħku x’ħin semgħu hekk. Apparti hekk hemm fatti li jgiddbu din l-informazzjoni li ta’ Muscat. Infakkarkhom f’dan li ġej:
- Il-whistleblower waslet Malta f’Diċembru 2015, jiġifieri 10 xhur qabel seħħ il-każ tar-refuelling
- Il-kopji tad-dokumenti ttieħdu mill-Bank Pilatus f’Marzu 2016, jiġifieri 7 xhur qabel seħħ il-każ tar-refuelling.
- Kien Karl Cini ta’ Nexia BT li qal li jrid jgħaddi l-isem tas-sid talkumpanija Egrant fuq Skype għax aktar importanti minn dak ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri.
- Sa ftit tal-jiem ilu, Muscat kien qed jgħid li l-iskandlu Egrant kien qed jiġi orkestrat minni. Issa l-verżjoni nbidlet, u flok Simon Busuttil, weħel Vladimir Putin.
Jien nemmen bis-sħiħ li l-poplu Malti, bl-intelliġenza tiegħu u bil-moħħ tiegħu jagħraf bejn is-serjetà tal-Forza Nazzjonali u l-one man show ta’ Muscat li iktar ma jmur iktar qed jaqa’ għar-redikolu biex jipprova jgħatti s-sewwa magħruf. Joseph Muscat issa lanqas irid iwieġeb għad-domandi tal-poplu. Ilbieraħ ħarab milli jattendi għax-xandira tal-Awtoritàtax-Xandir biex iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti kif għamilt jien nhar it-Tnejn. Din qatt ma ġrat fl-istorja tax-xandiriet tal-BA. Joseph Muscat jibża’ jwieġeb dirett fuq it-televiżżjoni għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti. Hu jgħid li kuljum jagħmel press conference iżda jagħmilhom meta n-nies tkun ix-xogħol u ma jkunux diretti fuq it-televiżjoni. Apparti hekk dawn jitmexxew mill-akkolti tiegħu u ma jħallux spazju għall-mistoqsijiet li l-mezzi tax-xandir iridu jagħmlu. Joseph Muscat imur biss fejn iħossu jilgħab home għax ma jridx iwieġeb il-vera mistoqsijiet li qed jgħmlu n-nies.
Iż-żmien tad-deċiżjoni jinsab fuq l-għatba. Ejjew nibqgħu ngħidu l-verità għax is-sewwa se jirbaħ żgur. U għax is-sewwa ma jmerih ħadd, il-Forza Nazzjonali se tagħżel Malta.
IL-21 ĠURNATA: L-IMPENN TAGĦNA
Illejla napprovaw il-programm elettorali. Diġa’ ilna xhur sħaħ nippreżentaw il-proposti tagħna li rridu nwettqu flimkien. Ilbieraħ spjegajna l-impenji tagħna biex niżguraw kura aqwa tas-saħħa b’xejn. Qed nintrabtu ma seba’ investimenti ewlenin:
- Nibnu Ċentru għas-Saħħa Mentali ġdid qrib l-Isptar Mater Dei
- Nagħtu lura l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex lill-Għawdxin
- Malta ssir ċentru ta’ eċċellenza fil-ġlieda kontra d-dijabete’
- Programm ta’ monitoraġġ u screening dwar l-obeżità, il-kanċer, il-mard respiratorju u dak kardjovaskulari
- Kemoterapija b’xejn lil dawk morda bil-kanċer
- Klinika one-stop-shop għal dawk li jsofru mill-fibromyalgia
- Il-valur tal-voucher ta’ dawk li huma coeliac jiżdied minn €50 għal €150
Dan mhux biss għax fil-qasam tas-saħħa se ntejbu s-servizz għall-pazjenti u l-ħaddiema f’dan is-settur billi nagħtu:
- Tax-breaks u ħlas lura lil persuni u kumpaniji li jkollhom polza tas-saħħa medika
- Mediċini b’xejn lill-pensjonanti u persuni b’diżabilità
- Mediċini b’xejn lil dawk li jsofru mid-dijabete’, l-ekżema u l-ostjoporożi
- Allowances speċjali regolari lill-ħaddiema fis-settur tas-saħħa
- Ftehim mal-għaqdiet volontarji, b’mod speċjali fis-saħħa mentali u fil-qasam tal-kura fil-komunità
- Ftehim kollaborattiv mas-settur privat, sptarijiet, kliniċi, prattiċi privati u anke koperattivi
- Programm ta’ tkabbir u tisbiħ taċ-Ċimiterju tal-Addolorata u ċimiterji oħra: il-prezz tal-oqbra jibqa’ ta’ €5,000
Dawn kollha flimkien mad-diversi proposti f’kull qasam se napprovawhom illejla waqt il-Kunsill Ġenerali. Dan hu mod ċar li l-Forza Nazzjonali għandha pjan serju u qed twiegħed affarijiet li jistgħu jitwettqu. Ħaddieħor qed jgħid li żamm kelmtu mal-poplu iżda ħadd mhu jemmnu. Li ma jgħidx ħaddieħor hu li wettaq diversi affarijiet ‘jintnu’ minn wara dahar il-poplu. Il-Forza Nazzjonali ma tidħakx bin-nies u dak li qed ngħidu se nwettquh u dak li ma ngħidux ma nagħmluhx.
L-20 IL-ĠURNATA: DETERMINATI LI NASLU
Il-Forza Nazzjonali mimlija ideat. Jgħidu x’jgħidu jien impenjat li mmexxi Gvern li jasal għall-kompromess. Biss minn qabel l-elezzjoni qed nuru l-pjan ċar li lesti nwettqu wara t-3 ta’ Ġunju. Ħadt gost ilbieraħ naqsam il-miri ċari li għandna fl-ambjent mal-għaqdiet ambjentali. Iż-Żonqor ma jintmisx u ntuħ kollu lill-familji Maltin. Hekk biss niżguraw arja nadifa għan-naħa t’isfel ta’ Malta. Nagħmlu l-istess bil-White Rocks. Dawn huma wegħdiet ta’ bilanċ. Iva rridu ekonomija li tkompli tikber iżda se npoġġi s-saħħa tal-Poplu l-ewwel u mhux il-gwadann ekonomiku. Għadna strateġija ekonomika li se tkompli tagħti l-frott. Se naħdmu biex niżguraw is-sostenibbilità tal-finanzi pubbliċi. Lil hinn miċ-ċifri tat-tkabbir ekonomiku short-term, se mmexxi Gvern li nindirizzaw il-problemi li żied u ħalla fuq l-ixkaffa l-Gvern ta’ Muscat. Se naraw li nnaqsu infiq bla rażan akbar mill-potenzjal tat-tkabbir ekonomiku; innaqsu l-impatt kbir bit-traffiku fuq il-kummerċ; nindirizzaw l-emissjonijiet; nnaqsu r-rata għolja ta’ early-school leavers u nerġgħu nibnu r-ruputazzjoni tajba fis-settur tas-servizzi finanzjarji.
Minn hawn ukoll nixtieq naqsam magħkom l-impenn tagħna għall-kultura u l-industrija tal-films li dejjem qed tikber.
Impenji għall-kultura
- Jitwaqqaf Ministeru speċifiku għall-Kultura
- Tingħata prijorità mmedjata lill-Valletta18
- Investiment fl-infrastruttura li tixraq lil pajjiżna: fosthom fuq il-Librerija Nazzjonali, u l-Arkivji Nazzjonali
- Insaħħu s-Soprintendenza tal-Wirt Kulturali f’pajjiżna, b’budget adekwat.
- Investiment f’riġenerazzjoni kulturali f’ċentri urbani, b’mod partikolari fiż-żoni tal-Cottonera Lines u dik tal-Port il-Kbir.
- Grant ta’ darba għaż-żgħażagħ bejn 18-21 sena sabiex ikunu jistgħu jagħmlu esperjenza kulturali f’pajjiżi oħra fl-Ewropa.
- Il-VAT fuq ebooks tinżel għal 5% sabiex tgħin lill-pubblikaturi jkomplu jinvestu kif ukoll lill-qarreja jkollhom aktar aċċess.
Impenji għall-films
- Il-Malta Film Fund jiżdied għal €2 miljun
- L-Inċentiv tal-iskema ta’ Cash Rebate jitla’ għal 30%
- Żvilupp fl-infrastruttura, b’mod speċjali b’investiment ġdid fil-water tanks u f’sound stage ġdid.
- Jiġi stabbilit Ċentru tal-Films li jiġbor fih kemm il-Malta Film Commission, il-Malta Film Fund, il-Co-Production Fund, kif ukoll faċlitajiet ta’ taħriġ professjonali.
Mal-Forza Nazzjonali m’hemmx sorpriża. Għalhekk jeħtieġ il-bidla. Il-Bidla se tagħmilna Maltin Aqwa.