ŻOMM AĠĠORNAT:
Soċjeta li jimpurtaha mill-interess nazzjonali u li tinġarr ir-reponsabbilità
“Dan huwa attakk minn pajjiżna fuq pajjiżna, attakk mill-Gvern fuq is-servizzi finanzjarji. Aħna se nibqgħu nkunu l-vuċi tan-nies li jaħdmu f’dan is-settur u li maż-żmien saħħuħ.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista fuq Radio 101.
Adrian Delia qal li matul is-snin in-nies irnexxilhom jagħmlu minn Malta ċentru tas-servizzi finanzjarji mill-aqwa iżda l-Gvern qed ikisser din ir-reputazzjoni tajba. Dr Delia qal li meta ltaqa’ mal-Kummissarju Ewropew Věra Jourová huwa iddefenda is-settur finanzjarju ta’ Malta li hu wieħed tajjeb, iżda l-Gvern ippermetta li jsiru l-abbużi u nuqqasijiet serji. Dan wassal sabiex l-istituzzjonijiet finanzjarji f’Malta jinsabu taħt l-iskrutinju tal-Awtorità Bankarja Ewropea. Huwa qal li meta l-istituzzjonijiet jinsabu investigati, u meta l-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans qal li l-MFSA għandha tiġi investigata wkoll, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna mhu qed jgħid xejn u mhux qed iġorr ir-responsabbilità.
Dr Delia qal li fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni, l-interess nazzjonali għandu jiġi dejjem l- ewwel u qabel kollox. Dan wara l-każ tal-immigranti abbord il-vapur Aquarius. Huwa qal li Malta għandha tibqa’ konformi mal-ħarsien tal-liġijiet internazzjonali. Adrian Delia qal li l- Oppożizzjoni se tkun attiva fl-Ewropa sabiex il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea jassumu r- responsabbilitajiet tagħhom għax il-kriżi tal-immigrazzjoni irregolari hija problema tal- Ewropa kollha.
Adrian Delia qal li l-Ministru Carmelo Abela wkoll għandu jġorr ir-responsabbilità tad- deċiżjoni li jqabbad ħaddiema tal-Gvern biex wettqu xogħlijiet fir-residenza tiegħu. Huwa qal li għadda żmien u l-Ministru Abela għadu ma refgħax ir-responsabbilità politika u l-Prim Ministru baqa’ sieket, bħalma baqa’ sieket il-Ministru Chris Cardona li wkoll ma ġarrx ir- responsabbilità tal-ġiti li tħallsu mit-taxxi tal-poplu.
Dr Delia qal fis-settur tal-ġustizzja wkoll mhix tinrefa’ responsabbilità għax filwaqt li l- Ministru Owen Bonnici jilgħab bin-numri tal-kawżi, hawn persuni li ilhom is-snin jistennew biex issir ġustizzja. Huwa qal li bħal setturi oħra, l-Gvern ma jinteressahx mill-Ġustizzja għax irid dan is-settur jiddgħajjef u jassigura li jkun hawn imħallfin li b’xi mod jew ieħor kienu assoċjati mal-Partit Laburista. Dan meta in-nies jinteressahhom li ma jdumux sabiex jieħdu l-ġustizzja fi żmien raġjonevoli u fuq dan ma sar l-ebda progress u Malta għandha l- inqas numru ta’ imħallfin fl-Ewropa per capita.
Adrian Delia qal li l-ħaddiema u l-familji qed jaffaċċjaw aktar piżijiet speċjalment f’żidiet fil- prezz ta’ affarijiet essenzjali bħalma huma l-ikel u l-enerġija. Dan meta l-istatistika tal- Eurostat ikkonfermat li l-inflazzjoni f’Malta f’Mejju kienet tammonta għal 1.7% jew żieda ta’ 0.6% fuq l-istess xahar tas-sena li għaddiet. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li fl-istess ħin 80% tan-nies qed jinsterqu għad-dawl u l-ilma għax il-Gvern qed iħaddem ħażin is-sistema tal-ħruġ tal-kontijiet. Adrian Delia ġab eżempju ta’ familji li ħallsu aktar għad-dawl u l-ilma li kkonsmaw, fosthom familja minn Ħ’Attard li ħallsu €174 aktar għall-kont ta’ famija minn Ħaż-Żabbar li ħallsu €231 aktar.
Dr Delia qal li l-Partit Nazzjonalista mar għand l-istituzzjonijiet bir-riżultat tal-kontijiet li n- nies ġabu fid-Dar Ċentrali u qed jistenna li jinvestigaw dan is-serq. Għal dan is-serq mill- kontijiet tad-dawl u l-ilma wkoll ħadd mhu qed iġorr ir-responsabbilità. Huwa qal li għalhekk il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti mal-Gvern li jwaqqaf dan is-serq u jekk ma jibqa’ jieħux azzjoni Gvern Nazzjonalista ġdid se jrodd lura l-flus żejda li n-nies ħallsu għall- kontijiet għax nemmnu f’soċjetà li jimpurtaha fejn ħadd ma jinsteraq għal dak li jikkonsma.
17.06.2018