Il-Partit Nazzjonalista jqis l-ittra li l-Ispeaker Anġlu Farrugia bagħat permezz tal-avukat tal-fiduċja tiegħu lil Matthew Caruana Galizia bħala għal kollox inaċċettabbli f’soċjetà demokratika.

Bl-ittra tiegħu l-Ispeaker Anġlu Farrugia għal darb’oħra kkonferma li huwa għadu s’issa ma fehemx x’inhi r-rwol kostituzzjonali li ġie fdat lilu. Fl-ittra tiegħu l-Ispeaker Anġlu Farrugia jistqarr li huwa qiegħed hemm biex jiddefendi l-interessi tal-Gvern. Dan imur kontra l-ġurament ta’ lealtà li l-Ispeaker Anġlu Farrugia ħa fil-bidu tal-leġislatura li fih ħalef li jkun fidili u leali lejn il-poplu u r-Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna. Minflok l-Ispeaker Anġlu Farrugia mexa mal-ġurament ta’ lealtà, huwa għażel li jibqa’ kkontrollat mill-Gvern Laburista.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li matul l-aħħar ftit xhur l-Ispeaker Anġlu Farrugia b’mod ripetut vvota u ta rulings li bihom iddefenda lill-Gvern fil-każijiet tal-kuntratt ta’ konsulenza lil Konrad Mizzi,  fil-każ ta’ dħul mhux dikjarat minn senserija u rigal u fil-każ ta’ użu ta’ fondi pubbliċi għal reklami politiċi tal-Gvern anke wara li l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika sab ksur wara ieħor tal-kodiċi ta’ etika u tal-liġijiet ta’ pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista jqis bħala urġenti l-bżonn li ssir riforma tal-Parlament sabiex dan ikun tassew istituzzjoni demokratika li twettaq skrutinju effettiv u effiċjenti tal-ħidma tal-Gvern u żżommu kontabbli matul il-leġiżlatura kollha.

Sakemm l-Ispeaker Anġlu Farrugia jibqa jagħżel l-interessi tal-Gvern Laburista u mhux tal-Pajjiż, kontra l-ġurament li ħa hu stess lejn il-poplu u r-Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna. Malta ma tista’  qatt taqbad it-triq għal riforma tant meħtieġa għat-tisħiħ tad-demokrazija.

Partit Nazzjonalista

About

Jekk se tagħmilha fuq qalbek, tagħmilhiex. Imma jekk se tagħmilha ghax tħobb... Kun il-Bidla