Wara d-dikjarazzjonijiet xokkanti tal-Prim Ministru tal-bieraħ fejn iddefenda ministru li nstabet ħatja li tat kuntratt minn flus il-poplu lil seħibha, issa għandna wkoll konferma li l-pulizija fetħu investigazzjoni kriminali dwar Justyne Caruana.

Din l-investigazzjoni messha ilha li nbdiet għallinqas minn meta ħarġu dawn il-fatti fil-mezzi tax-xandir. Dan ikompli jikkonferma kemm hu irresponsabbli l-Prim Ministru fid-difiża tiegħu ta' Justyne Caruana. Ma jistax ikollok ministru li qed jiġi investigat mill-pulizija.

Prim Ministru tassew ħieles missu tgħallem mill-bosta eżempji tas-snin li għaddew fejn ministri b'dell fuq rashom tħallew jibqgħu fil-kariga. Dan wassal biex bata pajjiżna li llum qala’ daqqa kbira fir-reputazzjoni tiegħu.

Robert Abela għandu minnufih ikeċċi lil Justyne Caruana u jara wkoll li kull uffiċjal pubbliku involut f'dan l-iskandlu jitneħħa immedjatament. 

Għandna wkoll nassiguraw li l-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-ħajja pubblika jkompli jagħmel xogħlu. Hekk titlob is-saltna tad-dritt.

Partit Nazzjonalista

About

Aħna lesti biex inkunu MIEGĦEK 💪 Miegħek. Għal Malta 🇲🇹 pn.org.mt