ŻOMM AĠĠORNAT:
Stqarrija mill-Assoċjazzjoni Pensjonanti u Anzjani Nazzjonalisti (APAN)
Il-pensjonanti u l-anzjani qed isibu ma wiċċhom żidiet sostanzjali f’oġġetti l-aktar essenzjali tal-ħajja ta’ kuljum. Dan huwa riżultat ta’ Gvern bla pjan, li qed iwassal biex l-anzjani qed jaraw żidiet fil-prezzijiet tal-ikel fosthom fil-prezz tal-ħobż. Kien hemm ukoll żidiet oħra sostanzjali fil-petrol u fid-diesel, apparti żidiet enormi fil-kirjiet u postijiet oħra ta’ residenza.
Mhux l-anzjani kollha ingħata t-tax rebate filwaqt li l-anzjani li għadhom jaħdmu ħadu d- donazzjoni sa massimu ta’ €60 darba waħda. Din it-tax rebate lanqas biss ittaffi ż-żieda ta’ 20 ċenteżmu fuq il-ħobż li titla sa’ €73 fis-sena.
Iż-żieda fil-għoli tal-ħajja jħossha kulħadd, iżda l-anzjani u l-pensjonanti jħossu ferm aktar minħabba li d-dħul tagħhom huwa limitat u l-pensjoni mhix adegwata għall-għoli tal-ħajja. L- APAN hija konxja ta’ din it-tbatija żejda li qed ikollhom jerfgħu l-anzjani wara għamlu s-snin jaħdmu u jistinkaw għas-suċċess tal-pajjiż.
Huwa ta’ għajb li l-anzjani u min igħix biss bil-pensjoni qed ikollu jbati bla bżonn tort ta’ Gvern bla pjan. L-APAN tingħaqad wara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr Adrian Delia fil- ġlieda tiegħu sabiex jispiċċaw l-inġustizzji biex l-anzjani jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar filwaqt li l-pensjonanti jingħatalhom pensjoni li tkun adegwata għall-ħajja.
06.09.2018