ŻOMM AĠĠORNAT:
Stqarrija tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi wara l-investigazzjoni tal-NAO
L-investigazzjoni tal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali (NAO) ikkonkluda li ma kienx hemm irregolaritajiet mid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi matul il-process ta’ xiri tad-dar tiegħu f’Santa Luċija.
Din l-investigazzjoni kienet saret wara informazzjoni anonima li waslet għand l-Awditur Ġenerali f’Jannar tal-2016. Din l-informazzjoni anonima kienet tallega li Jason Azzopardi kien wettaq xi forma ta’ irregolaritajiet fil-proċess tax-xiri tad-dar tiegħu. Dan fiż-żmien meta kien jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Artijiet fl-2011.
Fir-rapport tiegħu, l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali kkonkluda li, ‘The investigation of the anonymous allegation received did not lead to NAO uncovering evidence suggesting legislative, administrative or ethical irregularities on the part of the former Parliamentary Secretary.’
L-Awditur Ġenerali kkonkluda wkoll li l-proċess tax-xiri tad-dar ta’ Jason Azzopardi dam aktar u mhux inqas minn każijiet simili. Jikkonferma li Jason Azzopardi kien l-ewwel politiku mill-1983 ‘l hawn li beda jindirizza d-diffikultajiet ta’ Maltin u Ghawdxin, li jghixu fi djar taħt konvenju u għalhekk mhux sidien ta’ djarhom.
Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu li ħarġet il-verità u li l-konklużjoni tal-investigazzjoni tal-Awditur Ġenerali turi kif din l-informazzjoni anonima kienet gidba kontrih mill-Partit Laburista.
07.05.2018