ŻOMM AĠĠORNAT:
Stqarrija tal-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista
Il-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista (MNPN) jirrijafferma l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista kollu li huwa favur il-ħajja mill-konċepiment sat-tmiem naturali. Għall-MNPN, l-embrijun mhux biss tmien ċelloli kif jaħsibha l-Ministru Chris Fearne iżda hija l-bidu tal-ħajja umana.
Kuntrarjament għan-Nisa Laburisti, l-MNPN ma jaħsibx li l-Gvern ta garanzija għall-ħajja bl-emendi għal-liġi tal-IVF li ġew approvati fil-Parlament. L-MNPN jifhem u jħoss għal dawk il-koppji li jridu jsiru ġenituri u li għandhom problemi sabiex ikollhom it-tfal u għalhekk jemmen li l-emendi kif tressqu kellhom jinkludi l-għajnuna lil dawn il-koppji b’ħarsien sħiħ tal-ħajja umana. Din il-garanzija iżda baqgħet ma ngħatatx għax il-Gvern kien aktar moħħu biex jgħaġġel il-vot mill-Parlament minflok ma saret diskussjoni wiesa’ bl-involviment serju tas-soċjetà ċivili.
Din hija liġi li se tneħħi l-opportunitajiet lil dawk li għadhom ma twieldux. F’dan il-kuntest, l-MNPN ifakkar li meta l-Gvern Nazzjonalista kien daħħal fis-seħħ il-liġi tal-IVF fl-2012, din kienet saret bl-iskop li tiġi mħarsa t-tarbija fil-ġuf. Dan huwa Gvern li jiftaħar bl-ugwaljanza u l-opportunitajiet indaqs iżda mhux lesti li jagħti l-istess opportunitajiet lill-embrijun, li hija ħajja umana.
22.06.2018