ŻOMM AĠĠORNAT:
Stqarrija tal-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista (MNPN)
Il-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista jesprimi d-diżappunt tiegħu għal mod kif il-budget imressaq mill-Gvern, għazel li b’mod konkret ma jixprunax l-avvanz tal-mara fis-soċjetà. Dan għaliex ma tħabbret l-ebda miżura sabiex aktar nisa jiġu inċentivati biex jidħlu jew jerġgħu jidħlu lura fid-dinja tax-xogħol. Dan minkejja l-fatt li l-parteċipazzjoni tan-nisa fid- dinja tax-xogħol f’pajjiżna hija ta’ 55%, li hija 10 punti perċentwali anqas mill-medja Ewropea.
Waqt li l-MNPN jilqa’ b’sodisfazzjoni l-fatt li l-Gvern semma li se jindirizza l-fatt li jeħtieġ li jkun hemm rappreżentanza akbar ta’ nisa fil-Parlament, l-MNPN jinsab diżappuntat għall-fatt li ma ndirizzax ir-realtà tal-gender pay gap.
Skont ċifri uffiċjali tal-Eurostat, il-gender pay gap telgħet għal 11%, jiġifieri, żieda ta’ 3.4% meta mqabbel mal-2011. Għaldaqstant l-MNPN qiegħed jappella lill-Gvern iżomm mal- wegħda tiegħu li jkun l-aktar Gvern femminista, u ma jinjorax aktar minn nofs il- popolazzjoni ta’ pajjiżna li huma nisa u minflok jimplimenta miżuri konkreti li jsaħħu l-irwol tal-mara fis-soċjetà u fid-dinja tax-xogħol.
27.10.2018