Aħna ma rridux sistemi ta’ giljottini. Aħna ma aħniex gvern li lil tal-qalba jħallihom jagħmlu li jridu, jgħadduha qisu xejn mhu xejn, u inti tħallas għall-iżbalji tagħhom. Aħna nemmnu fik. Aħna nemmnu fir-responsabbiltà tiegħek. Għalhekk nemmnu li l-edukazzzjoni hi ċ-ċavetta għal kollox.
Hekk saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt li kien qed jindirizza attività politika fil-Ħamrun.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li jrid aktar sigurtà fejn tidħol il-komunità, u għalhekk irridu nintensifikaw is-sigurtà lokali b’mezzi innovattivi u b’sens akbar ta’ komunità, dan sabiex it-toroq tagħna jerġgħu jkunu sikuri.
Bernard Grech ħabbar ukoll illi fejn jidħlu kunsilli lokali rridu:
- Li r-responsabbiltà tal-infurzar lokali terġa’ tgħaddi lura għand il-Kunsilli Lokali u r-Reġjuni biex tkun dejjem aktar mibnija fuq il-bżonnijiet tal-komunitajiet rispettivi.
- Tinbidel is-sistema ta’ infurzar lokali f’waħda intiża biex ittejjeb is-sens ċiviku u mhux biex issawwat lin-nies bla ħniena. Permezz ta’ qafas diġitali, persuna li teħel ċitazzjoni jkollha l-multa ‘iffriżata’ għal perjodu ta’ żmien, dan billi jekk il-persuna ma teħilx ċitazzjoni oħra f’dan il-perjodu, l-ewwel multa tinħafer.
Bernard Grech saħaq illi għax il-Partit Nazzjonalista qiegħed mal-poplu u jemmen fih, qed jipproponi din il-bidla; bidla ta’ kultura imma fuq kollox bidla li se ttejjeb ħajtek.
Fl-attività fil-Ħamrun ġew ippreżentati wkoll il-kandidati tal-ewwel distrett li huma: Darren Carabott, Josianne Cardona Gatt, Mario de Marco, James Aaron Ellul, Christian Micallef, Paula Mifsud Bonnici u Justin Schembri.
L-infurzar lokali lura għal għand il-Kunsilli
L-infurzar isir aktar f’sens ċiviku minflok isawwat lin-nies bla ħniena
Ninvestu fis-sigurtà tal-localitajiet tagħna
Do you like this page?