Fl-2016, il-Gvern Laburista ħabbar proġett li kellu jiswa 32 miljun ewro (9 miljuni minnhom fondi tal-Unjoni Ewropea). Il-proġett għadda minn taħt idejn sitt Ministri differenti.

Wara li tħammlet l-art u beda xogħol ta’ skavar, il-proġett waqaf ħesrem u ż-żona (qrib it-Trade Fair Grounds fin-Naxxar) saret waħda żdingata u maħmuġa.

Ta’ min jinnota li l-Unjoni Ewropea hija kontra proġetti fejn jinġabru persuni b’diżabilità bħala komunità (dak li jissejjaħ ghettoing) imma favur li persuni b’diżabilità jgħixu fil-qalba tal-komunità.

Insibha stramba ħafna li proġett bħal dan ġie ppreżentat għall-fondi.

Jien għamilt diversi mistoqsijiet lil Ministri differenti imma s’issa bqajt bla risposta.

F’dan il-filmat tistgħu taraw f’liema stat tinsab din iż-żona. Nappella lil kull min għandu għal qalbu l-persuni b’diżabilità u lil dawk kollha li jgħixu fiż-żona biex jikkuntattjawni. Huwa inaċċettabbli li din iż-żona titħalla hekk imma huwa ferm iktar inaċċettabbli li persuni b’diżabilità jiġu mwiegħda xi ħaġa li ma tistax issir.

 

 

Claudette Buttigieg

About

Deputy Speaker Parliament of Malta.Kandidat f'isem il-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali fuq it-12 u it-13 Distrett.