Il-Partit Nazzjonalista jinnota b’sodisfazzjon sentenza tal-Qorti li fiha ngħatat tama lill-bdiewa li qegħdin bil-qbiela.

Il-Partit Nazzjonalista jinnota kif il-Qorti llum bis-sentenza tagħha wettqet l-ewwel passi lejn twettiq tal-ġustizzja minkejja li l-Gvern għadu ma ressaq  l-ebda liġi biex tkun tista ssir gustizzja sħiħa kemm ma' sid ir-raba kif ukoll mal-bidwi.

Bis-sentenza tagħha tal-lum il-Qorti rrikonoxxiet il-valur imprezzabbli tal-bidwi fil-produzzjoni ta’ ikel frisk filwaqt li qalet li liġijiet eżistenti joffru protezzjoni adekwata lis-sidien tal-art.

F’dawn il-kawżi għandu jkun kkunsirat ukoll li l-valur tar-raba ma jistax jibqa’ jkun kalkulat mill-prezz mogħti għal skop ta’ spekulazzjoni iżda jrid jibda jkun kalkulat il-valur reali ta' kull tomna,  ta’ kemm tommna raba’ toħloq valur ta' prodott li jidħol il-pitkalija. Il-bidwi ma jista’ qatt  ikun iħallas il-qbiela fuq persentaġġ tal-prezz mogħti għal skop tal-ispekulazzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista ilu jgħid li Gvern ġdid mmexxi minn Bernard Grech iniedi skema ta’ għajnuna biex bdiewa attivi jakkwistaw direttament  ir-raba tagħhom b’self bla interessi u bla spejjeż garantit ukoll taħt skema tal-gvern minn fond apposta disponibbli bħala garanzija mal-banek. Tali skema tkun miftuħa għall-bdiewa kollha eżistenti li jridu jakkwistaw raba mingħand il-privat. B’dan il-mod nindirizzaw indirettament il-kwistjoni tal-bżonn ta’ prezz ġust għar-raba privat li bħalissa qed taħt skrutinju tal-qrati. Tali skema tkun miftuħa ukoll għal bdiewa żgħażagħ li jridu jidhlu fil-mistier agrikolu.

Gvern ġdid Nazzjonalista jniedi wkoll skema ta’ għajnuna diretta fuq il-ħlas ta’ qbiela fuq art privata. Tali skema tkun tinkludi rimbors sa’ 70% tal-prezz tal-qbiela għal bdiewa li jagħtu prova ta’ produzzjoni ta’ ħxejjex u frott mibjugħa fuq is-suq lokali, b’dan inkunu qed nistimulaw u ninkoraġixxu l-produzzjoni u l-konsum tal-prodott malti.

L-iskemi kollha msemmija jkunu kompletament volontarji u jkunu bla preġudizzju għal trattattivi oħra li jistgħu isiru bejn privati fuq qbiela privat u bla preġudizzju għas-sentenzi tal-Qorti.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni li jibqa’ jitkellem favur ġustizzja li tirispetta kemm id- drittijiet ta' sidien tar-raba kif ukoll id-drittijiet tal-bdiewa u tal-poplu għall-provista tal-ikel frisk.

 

Edwin Vassallo

Kelliem għall-Agrikoltura,

Sajd u n-Negozji ż-Żgħar

Partit Nazzjonalista

About

Jekk se tagħmilha fuq qalbek, tagħmilhiex. Imma jekk se tagħmilha ghax tħobb... Kun il-Bidla