L-aħbar, bla ebda preċedent, li l-Gvern Amerikan għadu kemm ħabbar sanzjonijiet internazzjonali minħabba “korruzzjoni kbira” ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri hija konferma li kellu jkun pajjiż eluf ta’ mili ‘l bogħod biex jieħu passi. Passi kontra l-korruzzjoni fl-Electrogas u l-Gvern ta’ Robert Abela għax il-Gvern ta’ Robert Abela irid jibqa’ jiddefendi lil dawk involuti fid-deal korrott tal-Electrogas.  

M’hemmx kliem iebes biżżejjed biex il-Partit Nazzjonalista juri l-kundanna tiegħu għal Robert Abela li jippreferi pajjiż sħiħ isofri biex jgħatti xtur żewġ persuni ewlenin tal-Gvern Laburusta. Kemm il-Prim Ministru u kemm id-deputati tiegħu għadhom jiddefenduhom bis-saħħa fil-Parlament kif ġara fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi ftit ġimgħat ilu. 

Illum rajna kemm kellhom raġun il-Partit Nazzjonalista u dawk kollha, speċjalment is-soċjeta ċivili, li wissew li kemm-il darba Robert Abela mhux ser iħalli l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna jaħdmu u jieħdu l-passi kontra l-impunità li huwa stess kabbar, ser ikun il-pajjiż kollu li ser ikun blacklisted. Illum rajna kif il-korruzzjoni għandha prezz. Prezz li ser iħallsu poplu sħiħ minħabba l-korrotti fil-Gvern Laburista  

B’dak li ħabbar illum mad-dinja kollha l-Gvern Amerikan minħabba l-korruzzjoni ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi fl-Electrogas iħammar wiċċ il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali li qed jonqsu minn dmirhom. Sitwazzjoni li tikkonferma għaliex isem pajjiżna hu Greylisted. 

Il-Partit Nazzjonalista jinnota din it-tebgħa sewda li ntefgħet fuq Malta minħabba l-korruzzjoni kbira tal-Gvern Laburista, ħsara li qed issir ‘l Malta minħabba l-impunità tal-Gvern ta’ Robert Abela. Il-Partit Nazzjonalista jinsab determinat aktar minn qatt qabel li jdawwar ir-rotta għall-aħjar billi jipprovdi alternattiva nadifa, serja u kredibbli quddiem l-elettorat.

Partit Nazzjonalista

About

Aħna lesti biex inkunu MIEGĦEK 💪 Miegħek. Għal Malta 🇲🇹 pn.org.mt