Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għall-Persuni b’Diżabbiltà, imfakkar illum 3 ta’ Diċembru, il-Partit Nazzjonalista qed jerġa’ jwassal l-impenn tiegħu b’rabta mad-drittijiet, il-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-persuni b’diżabbiltà f’Malta.

Din is-sena, dan l-enfasi politiku il-PN ser jkun qed jurih b’Konferenza Nazzjonali bit-tema “Ħudu r-riedni f’idejkom” li qed jorganizza għada is-Sibt, ħalli jisma’ u jiddiskuti għadd ta’ temi ewlenin mal-persuni b’diżabbiltà stess, mal-esperti u mal-imġarrba f’dan is-settur.

B’dan il-qasam tant għal qalbu, il-Partit Nazzjonalista qed kontinwament ifassal u jħaddem politika li tpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru, inkluż lill-persuni b’diżabbiltà, biex jiżgura li kull persuna f’pajjiżna tkun tista’ tilħaq il-potenzjal tagħha u tgħix ħajjitha bis-sodisfazzjon.

F’dan il-Jum, il-Partit Nazzjonalista jaħtaf l-opportunità wkoll isellem il-ħidma u d-dedikazzjoni tal-familjari, il-gwardjani u l-professjonisti li jgħinu jew jappoġġjaw lill-persuni b’diżabbiltà tul is-sena kollha. Nemmnu li l-ħidma tagħkom teħtieġ aktar sostenn u rikonoxximent u għaldaqstant inwiegħdu li l-proposti tagħna se jaħsbu f’dan ukoll.

Konxju tad-diffikultajiet li jġarrbu l-persuni b’diżabbiltà f’pajjiżna, fosthom fejn jidħlu s-servizzi, l-inklużjoni, l-aċċessibbiltà, l-edukazzjoni u x-xogħol, il-Partit Nazzjonalista jtenni li se jibqa’ kommess li jaħdem mal-persuni b’diżabbiltà u mal-esperti biex tassew jippreżenta triq ’il quddiem li tagħmel qabża sostanzjali fil-kwalità tal-ħajja ta’ kull persuna b’diżabbiltà f’Malta u Għawdex.

David Agius

Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Parlament

u Kelliem għall-Inklużjoni

u l-Kwalità tal-Ħajja

Partit Nazzjonalista

About

Jekk se tagħmilha fuq qalbek, tagħmilhiex. Imma jekk se tagħmilha ghax tħobb... Kun il-Bidla