Hekk kif il-varjant Omicron qed jinfirex madwar l-Ewropa b'rata għolja u hekk kif in-numri f’pajjiżna qed jitilgħu b’mod mgħaġġel ukoll, il-Partit Nazzjonalista jisħaq li għandna nantiċipaw sabiex ikollna l-kontroll ta’ din il-pandemija, filwaqt li nappellaw il-Gvern għal aktar trasparenza u sabiex ikun aktar proattiv.

Il-varjant il-ġdid se jasal f’pajjiżna f'ħin jew ieħor u għalhekk hemm bżonn ta' prekawzjonijiet. Xjentisti ħabbru li dan hu varjant li kapaċi jaħrab l-immunitá ta' żewġ dozi ta' vaċċin u għalhekk nisħqu fuq l-importanza li jittieħed il-booster. Din it-tielet doża toffri madwar 85% protezzjoni u tevita mard serju relatat ma' Covid u amissjonijiet ġewwa Sptarijiet.

Għalhekk nisħqu fuq l-importanza ta’ Contact Tracing aktar effiċjenti u ttestjar mingħajr dewmien li jgħin ukoll fil-kontroll tat-tixrid fil-komunitá. Testing ta’ individwi pożittivi fi kwarantina jassigura fejqan wara erbatax-il ġurnata.

F'dan il-perjodu ta' każijiet attivi għoljin hemm bżonn li nevitaw l-folol u nħarsu kull miżura ta' protezzjoni b’mod partikolari l-ilbies tal-maskra protettiva. Għalhekk l-appell tagħna hu lill-Gvern biex ikun aktar trasparenti meta jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu kif ukoll ma jkunx hemm azzjonijiet li jiddiskriminaw. Inħeġġu wkoll lill-membri tal-gvern biex jimxu bl-eżempju.

Aktar miżuri fl-ajruport u l-portijiet jassiguraw skrutinju sabiex tiġi evitata l-importazzjoni ta’ varjanti ġodda li jistgħu jkunu ta’ theddida għall-programm ta’ vaċċinazzjoni u herd immunity.

Min-naħa tiegħu l-Partit Nazzjonalista jerġa' jisħaq fuq l-importanza li l-Gvern jestendi l-wage supplement  sa mill-anqas sal-aħħar ta’ Marzu għal setturi li qed jintlaqtu għal darb’oħra.

Bħall-bqija tal-pajjiż, ir-ristoranti qed ikollhom ukoll iħabbtu wiċċhom ma’ żieda xokkanti fl-għoli tal-ħajja li qed taffettwa kull forma ta’ oġġetti tal-ikel. Jekk il-gvern ma jridx joffri suppliment tal-pagi estiż, għandu tal-inqas jikkunsidra li jieħu l-proposta tal-PN li titnaqqas il-VAT għal 7%.

 

COVID Action Team

Partit Nazzjonalista

Partit Nazzjonalista

About

Jekk se tagħmilha fuq qalbek, tagħmilhiex. Imma jekk se tagħmilha ghax tħobb... Kun il-Bidla