Il-Kandidatura tiegħi qed ittini l-opportunita’ illi niltaqa’ man-nies b’mod ġenerali, pero’ wkoll ma’ setturi parikolari li żgur huma ta’ kontribut għall-ekonomija ta’ pajjiżna.

Fost dawn, ftit tal-jiem ilu żort lill-numru ta’ sajjieda ġewwa Marsaxlokk, illi għoġobhom jilqgħuni fuq waħda mill-laneċ illi jużaw għal ħidma tagħhom. Hemm hekk huma spjegawli x’uħud mill-problemi illi qegħdin jiffaċċjaw sabiex ikunu jistgħu iwettqu il-ħidma tagħhom kif mistenni u mixtieq. Jien naturalment ma stajtx niftakar dawn il-punti kollha illi bdew iqajmu, mingħajr ma nitlobhom karta u biro’ sabiex inkun nista’ ninnota dak kollu illi bdew jgħiduli fuq biċċiet tal-karti illi għaddewli.

Fost il-punti l-aktar li ssemmew kien hemm il-hard standing facility illi hemm ġewwa Marsaxlokk stess. Spjegawli illi minn Mejju 2021 ‘l hawn iddaħħlet miżura illi qed jiġu mitluba jippreżentaw survey report dwar l-istat tal-biċċa tal-baħar, qabel ma’ din tittella’ l-art għal fuq il-hard standing facility. Naturalment dan ser ikun qed iżid mal-piż illi għandu s-sajjied sabiex iħallas għaż-żamma tal-biċċa tal-baħar ġewwa il-hard standing facility. Is-sajjieda nformawni madanakollu, illi għandhom pjuttost prezzijiet tajbin għalihom għall-użu tal-hard standing facility, b’mod partikolari meta l-biċċa tal-baħar tinżamm għal mhux aktar minn ħmistax – jum hemmhekk. Pero’ din tas-survey report hija spiża addizzjonali, meta kif anke spjegawli, jkunu ġia kkonduċew wieħed, propju sabiex ikunu jistgħu iġġeddu il-polza tal-assikurazzjoni tal-biċċa tal-baħar. Dan is-survey annwali għal skop ta’ assigurazzjoni, ma jistax pero’ jintuża għal hard standing facility, bil-konsegwenza illi s-sajjied ikollu jikkonduċi a spejjeż tiegħu survey ieħor. Dan iffisser, illi f’każ li sajjied ikun jinħtieġ juża l-faċilitajiet tal-hard standing facility għal tlett darbiet f’sena, allura jrid bilfors jikkonduċi erba’ survey reports f’sena, b’wieħed minnhom ikun għall-iskop ta’ assikurazzjoni.

Snin ilu, anzi kif spjegawli huma, b’mod partikolari l-Ex Ministru Nazzjonalista Carmelo Caruana, propju kien bena ix-Xatt u l-Iskallijiet ġewwa Marsaxlokk, sabiex ikunu għad-dispożizzjoni tas-sajjieda, sabiex jagħmlu t-tiswijiet u l-manutensjoni meħtieġa lill-biċċiet tal-baħar tagħhom. Sabiex jevitaw din il-miżura addizzjonali u bla bżonn, ħafna mis-sajjieda qed itellgħu id-dgħajjes tagħhom mill-iskallijiet, iżda mbagħad qed jiġu fuqhom l-uffiċċjali ta’ l-Awtorita’ tat-Trasport, javżawhom sabiex ineħħu dawn il-biċċiet minn ma’ dritt l-iskall, peress li mhux suppost illi jitħallew hemmhekk, u fin-nuqqas jafu jiġu mmultati. Kollha jilmentaw, illi l-użu tax-Xatt ta’ Marsaxlokk għas-sajjieda illum huwa limitat ħafna.

Spjegawli wkoll illi ħmistax-il ġurnata fil-hard standing facility huma biżżejjed għal dawra żebgħa, iżda jekk tkun se ssir xi manutensjoni jew tiswija tal-ħsarat, u b’mod partikolari fuq il-magna, dan ikun jinħtieġ aktar żmien, u r-rati imbagħad jogħlew b’mod sostanzjali. Is-sajjieda tagħna ma jifilħux iħallsu daqs operaturi oħra kbar illi jużaw il-hard standing facility. Spjegawli wkoll, illi minħabba f’hekk il-hard standing facility huwa prattikament vojt minn biċċiet tal-baħar tas-sajjieda żgħar.

Problema oħra li qed jiffaċċjaw hija, illi qabel ma jibbukkjaw għal hard standing facility, qed jintalbu wkoll jinformaw lill-amministrazzjoni ta’ l-istess faċilita’ dwar x’tip ta’ xogħol ser ikun qegħdin jagħmlu fuq il-biċċa tal-baħar tagħhom, bħal per eżempju, hux ser tinqala’ l-magna fost oħrajn. Spjegawli illi ħafna drabi, ħlief għal dawk il-ħtiġjiet li jkunu jidhru, is-sajjieda ħafna drabi ma jkunux jafu eżattament x’tiswijiet ikunu meħtieġa, u ħafna drabi, jiġbdu il-biċċa tal-baħar tagħhom għal fuq l-art propju sabiex jistabbilixxu eżattament xi ħsara hemm fuq il-parti illi tkun taħt l-ilma, bil-konsegwenza illi mhux dejjem ikun possibbli illi tantiċipa minn qabel ma’ tella’, it-tiswijiet u l-manutesjoni li tkun meħtieġa.

Ġewwa l-hard standing facility is-sajjieda jridu jqabbdu huma a spejjeż tagħhom, l-użu ta’ scaffolding, inġiniera u mechanics. Illi għall-iscaffolding, huma ukoll mitluba illi jikkonduċu survey ieħor, naturalment a spejjeż tagħhom.

Finalment spjegawli illi ikun aktar jaqblilhom illi jmorru Sqallija sabiex jagħmlu it-tiswijiet u l-manutensjoni meħtieġa, peress li m’hemmx daqshekk burokrazija. Naturalment is-sajjieda tagħna jippreferu illi jsewwu ġewwa Marsaxlokk.

 

Errol Cutajar

About

Avukat, miżżewweġ lil Natalie, b'żewġ itfal Mariah u Jael, residenti ġewwa Marsaskala.Kandidat f'isem il-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali fuq it-2 u it-3 Distrett.