Biex vera tifhem lill-poplu, trid tkun viċin tiegħu, trid tisimgħu, trid tifhmu, u wara trid tieħu azzjoni! Jien nemmen li dan irid isir tul il-ħames snin, tkun kontinwament VIĊIN IN-NIES. Jien hekk għamilt, hekk qed nagħmel u hekk qed inwiegħed li ser nibqa' nagħmel! House visits kontinwi, nitkellem u niddiskutu flimkien dwar dak li jseħ fil-parlament u barra minnu. Ifiehem il-kostitwenti tiegħi il-proposti, ideat u viżjoni tal-Partit Nazzjonalista. Dan huwa parti essenzjali tax-xogħol ta’ kull kandidat u deputat.

Jien nemmen li jekk temmen vera f’dak li tagħmel, tqassmu ma ħaddieħor.  Jiena nemmen fil-politika b’viżjoni fit-tul, nemmen li dan huwa l-aqwa politika. U dan li qiegħed joffri il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr Bernard Grech. Sa issa rajna ħemel ta’ proposti li jolqtu numru kbir ta’ Maltin u Għawdxin.

Tlett snien ilu bdejt dan il-vjaġġ,  minn qabel l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali kont bdejt indur bieb bieb , triq triq ġewwa l-Mellieħa. Ma qbiżt l-ebda bieb għax kulħadd importanti, kulħadd għandu x’joffri u nemmen li kullħadd jrid jara il-pajjiż aħjar. Qiegħed nitkellem ma kull familja u individwu. Għalija kulħadd huwa validu u kulħadd għandu valur. Ma nemmenx fid-diskriminazzjoni. Ma nemmenx fit-tribaliżmu, jien nagħmel ħilti għal kulħadd, nemmen fil-ġid komuni fejn dawk li bagħtet l-iżjed jiġu mgħejuna l-iżjed.

U propju għalhekk iddeċidejt li nikkontesta l-elezzjoni ġenerali mal-Partit Nazzjonalista. Nemmen bis-sħiħ li l-PN għandu l-aħjar politika sabiex itejjbu l-kwalita’ tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi. Huwa l-uniku Partit li jpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru tal-politika tiegħu. Fi kliem sempliċi, il-PN ifassal il-politika tiegħu fuq dak li jeħtieġu n-n-nies. Nies ta’ kull eta’ minn żagħar li għad m’għandhomx il-vot sa dawk li huma mimlijin bl-għomor.

U ż-żjarat fid-djar, din id-darba mhux fil-Mellieħa, l-Manikata, Għadira u Selmun biss, iżda madwar it 12-il Distrett elettorali qed tagħtuni l-opportunita’ sabiex  nista' inkun naf iktar mill-qrib, intom li tilqgħuni ġewwa darkom. Intom li tagħtuni l-opportunita’ li nkellimkom u ngħidilkom f’hiex nemmen u x’nixtieq nagħmel għallikom. Li nispjega il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista u għalfejn għandek tagħtina l-fiduċja tagħkom. Mhux għax aħna speċjali jew għax anna xi dritt imma għax il-politika u l-viżjoni tagħna ser twassal biex tkun ferm aħjar milli int illum, kemm b’mod immedjat pero iktar importanti għat-tul taż-żmien.

Iż-żjarat li qed nagħmel b’mod kontinwu fid-djar tagħkom, qed tagħtuni l-opportunita’ li nitaqa’ ma numru kbir ta’ ħaddiema. Ħaddiema li tul dawn l-aħħar erbatax il-xahar għaddew minn tbatija finanzjarja u anke psikoloġika. ltqajt ma dawk li tilfu l-impieg, dawk li naqsitilhom il-paga, dawk li tilfu l-overtime u dawk li waqfilhom il-part time. ltqajt ma’ dawk il-ħaddiema fis-settur turistiku li ilhom ibatu għal dawn ix-xhur kollha. Ltqajt ma’ ħaddiema tal-AirMalta li qalbhom maqtugħa minħabba li ma teżisti l-ebda strateġija min-naħa ta’ dan il-Gvern ħlief li jaqdi u jdaħħal in-nies tal-qalba f’kull livell tal-AirMalta. Ltqajt mal-familji u sidien tal-ħwienet li huma inkwetati għall-mod kif qed jinsterqu bil-moħbi fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma minn dan il-Gvern sabiex ikun jista; jiffinanzja l-korruzzjoni. Ltqajt ma pensjonanti li huma inkwietati, il-pensjoni mhux twassal sa l-aħħar tax-xahar u qiegħdin jiddependu mill għajnuna tat-tfal, qraba u ħbieb speċjalment l-aħħar gimgħa. Pensjonanti li jibku għax ma jistgħu jwarrbu sod biex jixtru xi rigal tal-Birthday in-neputijiet tagħhom. 

 

Huma propju dawn iż-żjarat fid-djar tagħkom li qed tagħtuni l-opportunita’ li nisma’ u nagħrbel dak li tgħiduli sabiex jiffurmaw parti mill-proposti li qed joħroġ il-Partit Nazzjonalista ta’ kull ġimgħa. Proposti li huma frott il-ħidma ta’ żjarat li kandidati u deputati oħra ħbieb tiegħi qed jagħmlu fid-djar u l-ħwienet tal-familji Maltin. Hekk biss nistgħu verament nifhmu dak li għandhom bżonn in nies, billi inkunu viċin tagħhom , u dejjem mhux biss ix-xhur ta qabel elezzjoni. In-nies mhux taz-żejjed u nieqes! In-nies għadhom dritt li jkunu involuti fid-deċiżjonijiet u proposti tagħna!

Nemmen bis-sħiħ, li rridu nagħmlu iktar. Irridu inħabbtu iktar bibien u nispjegaw il-politika tagħna. Inħabbtu iktar bibien sabiex nisimgħu dak li għandkom tgħidulna. U nemmen li dan il-kuntatt għandu jkun kontinwu. Bi pjaċir ngħid li f’dawn l-aħħar żmien żort eluf ta’ familji u baqgħali iktar xi nżur u lil min inkellem.

Dan jimlini bil-kuraġġ. Din il-ħidma fostkom itni s-saħħa u ġġiegħlni napprezza dak kollu li intom il-familji Maltin tagħmlu sabiex itejbu l-kwalita’ tal-ħajja ta’ dawk li jiddependu minnkom. Nwiegħdkom li jien mhux se naqta’ qalbi qatt. Nwiegħdkom li jien se nibqa’ wieħed minnkom kemm issa li ġejja l-elezzjoni kif ukoll wara.

Jien napprezza dejjem li tilqgħuni f’darkom. Napprezza u nirringrazzja talli tagħtuni l-opportunita’ nsir nafkom. Grazzi li qiegħdin tafdawni u tiftħu qalbkom magħna, grazzi li qiegħdin tieħdu l-ħin tagħkom sabiex tispjegaw kif tixtieq taraw dan il-pajjiż tagħna , grazzi li qiegħdin, taqsmu magħna il-ħolm u xewqat tagħkom. Jien wiegħda waħda biss ser nagħmel, li dan ser nkompli nagħmlu sakemm nitkellem ma kull persuna li jaċċetta li jitkellem miegħi, mhux ser nieqfu inkunu viċin in-nies għax hekk jixraqlek!

Ivan Castillo

About

A candidate from the people for the people. Kandidat f'isem il-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali fuq it-12 Distrett.