Il-Gvern għandu jestendi l-Wage Supplements mill-anqas sa Marzu, partikolarment għas-setturi li għadhom qed jintlaqtu. Bħala minimu għandu almenu jikkunsidra l-proposta tal-Partit Nazzjonalista li l-VAT għar-ristoranti u s-servizzi tal-lukandi tinżel għal 7 fil-mija.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’intervista matul il-maratona ġbir ta’ Fondi organizzata mill-Partit Nazzjonalista.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Partit immexxi minnu jemmen f’Parlament li għandu jilleġiżla biss biex tissaħħaħ is-soċjetà u mhux biex partit politiku joħloq diversiv fuq issues urġenti, lejlet elezzjoni ġenerali. Bernard Grech fakkar kif il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista qed jappella lill-Ispeaker biex tingħata prijorità lill-petizzjoni li appellat lill-Gvern biex iressaq emendi qabel ma tgħaddi l-Liġi dwar l-Użu tal-Kannabis.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista esprima t-tħassib tiegħu wkoll għall-mod kif is-sistema edukattiva ta’ pajjiżna qed tfalli u l-uniku mod kif Robert Abela qed iżomm il-qgħad f’livell baxx hu billi jqassam imjiegi bl-addoċċ fiċ-Ċivil. Hu għalhekk li Gvern ġdid immexxi minnu jara li l-pagi tal-għalliema jiżdiedu biex jirriflettu r-responsabbiltà kbira ta’ xogħolhom, jirrevedi l-kurrikula, ibiddel il-ħsieb fit-tagħlim ta’ ċerti suġġetti, isaħħaħ l-apprentistat u t-taħriġ vokazzjonali, kif ukoll isaħħaħ l-istruttura għal ambjent aktar komdu.

Hu tkellem dwar il-fatt li 70 fil-mija taż-żgħażagħ qalu li jridu jitilqu minn pajjiżna għax dan qed isir anqas attraenti biex jgħixu fih, fejn qal li dan iweġġa’ lill-familji tagħhom. Għaldaqstant, hu qal li pajjiżna jixraqlu Gvern li jista’ jdawwar l-affarijiet u jibda joħloq it-tama.

Dwar il-pandemija, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hu importanti li kemm jista’ jkun nies jieħdu l-vaċċin u l-booster, li fissirhom bħala vitali biex jissalvaw il-ħajjiet filwaqt li jippermettulna nkomplu ngħixu ħajja bl-aħjar mod normali possibbli. Fakkar kif imn’Alla pajjiżna hu Membru Sħiħ fl-Unjoni Ewropea li stajna niksbu provvista tajba ta’ vaċċin. Min-naħa l-oħra, qal li issa hu d-dmir tal-Gvern biex jara li l-istabbilimenti tal-catering u setturi oħrajn ikunu assistiti għall-isfidi li ġab miegħu l-Covid-19.

Dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, Bernard Grech qal li f’moħħ in-nies, illum ftit li xejn hemm dubju li l-Gvern hu korrott. Dan joħroġ fiċ-ċar ukoll bil-mod kif – minflok jiddedika 100 miljun ewro fuq il-kura tas-saħħa – aċċetta li jekk jitħassar il-kuntratt mal-Vitals, dawn jitħallsu lill-kumpanija barranija li qed tmexxi t-tliet sptarijiet pubbliċi.Quddiem il-ħidma li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech qal li l-Partit irid ikompli jimbotta l-ideat tal-poplu tagħna u jżomm lill-Gvern Laburista kontabbli għal għemilu. Għaldaqstant hu spjega kif l-għajnuna finanzjarja ta’ din il-Maratona hi bżonnjuża.

Partit Nazzjonalista

About

Aħna lesti biex inkunu MIEGĦEK 💪 Miegħek. Għal Malta 🇲🇹 pn.org.mt