Għal darb’oħra, pajjiżna reġa qiegħed isejħilna. Malta tinsab f’salib it-toroq, u huwa d-dover ta’ kull wieħed u waħda minnha li nagħzlu t-triq it-tajba li tiddetermina l-ġejjieni tagħna bħala nazzjon. 

It-triq it-tajba tfisser Malta moderna, innovattiva, stabbli, impjiegi li jħalsu pagi diċenti, serħan tal-moħħ għall-familji u negozji, ħarsien ikbar lill-ambjent u l-wirt storiku, u iktar opportunitajiet ta’ xogħol f’setturi ġodda li jkollhom potenzjal kbir. Minn naħa l-oħra, t-triq alternattiva tfisser li Malta tkompli miexja fir-rotta li qbadna matul dawn l-aħħar snin. Inċertezza ekonomika, piż żejjed fuq il-familji u n-negozji, sfreġju tal-ambjent u l-pajsaġġ Malti, nuqqas ta’ innovazzjoni li tiġi riflessa fil-problemi li pajjiżna qiegħed isib biex jattira setturi ġodda.

In-nuqqas ta’ viżjoni li wera l-Gvern f’dawn l-aħħar snin ikkawżat l-istaġnar ta’ setturi ewlenin li huma kruċjali għalina bħala pajjiż. Industriji li qabel kienu jaħdmu mingħajr xkiel, issa qegħdin isibuha diffiċli joperaw kaġun tal-iżbalji ta’ dawk fil-poter. Fi żmien fejn l-ekonomija mondjali kienet qed tifjorixxi, kellek il-Gvern jiffanga bla rażan u jtik biss il-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda. Illum, il-maskra waqgħet, u dan il-Gvern daħħalna f’toqba ta’ dejn li kuljum qed issir iżjed diffiċli biex noħorgu minna. Il-flus li ntefqu rari kienu investiti bil-ħsieb li jkomplu jdawru r-rota tal-ekonomija. Minflok, kellna Gvern li ħadem biss minn elezzjoni sa elezzjoni. 

Il-fallimenti tal-Partit Laburista fil-Gvern huma dokumentati tajjeb ħafna u se noqgħod ‘il boghod milli nidħol fid-dettalji għax il-lista ma tispiċċa qatt. Wasal iż-żmien li nħallu l-politika ta’ klijentaliżmu u negattivita’ tal-Partit Laburista fil-passat, u minflok nixtieq li niffukaw fuq ġejjieni isbaħ gwidat mill-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista. Viżjoni li ssarraf is-suċċess ta’ kull persuna f’suċċess kollettiv li jirrifletti ruħu fil-ġid komuni tas-soċjetà tagħna

Konna l-ewwel għal tiġrija li ma sejjaħniex aħna stess. Aħna lesti u intkom ukoll. Dħalna għal din l-elezzjoni preparati u l-programm elettorali tagħna huwa xhieda ta’ dan. Sett ta’ proposti mfasslin mill-esperjenzi tagħkom, għalikom. Manifest ħaj li jevolvi skont il-bżonnijiet ta’ Malta. Mibni fuq l-esperjenzi ta’ kull wieħed u waħda minnkom. Proposti marbutin ma’ 15-il tema li ha jimpattawk b’mod pożittiv u dirett. Int min int, ġej mnejn ġej, tagħmel x’tagħmel. 

Irridu ekonomija li tkompli toħloq aktar ġid mingħajr impatt ambjentali u soċjetà li tassew ma tħalli lil ħadd jinqata’ lura. B’hekk, il-ġid jinħoloq bil-għaqal u jagħti kuraġġ lill-poplu Malti u Għawdxi biex ikompli jistinka ħalli jgħix aħjar. Irridu li l-kwalità ta’ ħajtek u l-ħajja ta’ dawk l-aktar gheżież tiegħek jingħataw l-importanza li jixirqilhom.

Filwaqt li ħaddieħor abbuża mill-fiduċja, seraqlek flusek u kisser isem Malta, aħna qattajna l-aħħar għaxar snin nisimgħuk u nibnu l-viżjoni li jmiss għal dan il-pajjiz. Bħala Partit Nazzjonalista nagħrfu fejn naqas il-Gvern preżenti u noffru soluzzjonijiet fattibli. 

Għal ħafna snin ġejna mgħajrin ‘oppożizzjoni negattiva’ minn dawk li ddejjaqom il-kritika ghax tikxef in-nuqqasijiet tagħhom. L-irwol tal-oppożizzjoni huwa li tikritika fejn sar ħazin jew jista’ jsir aħjar, fejn hemm nuqqas ta' normalità. U f’dan l-aspett, il-Partit Nazzjonalista kien oppożizzjoni ideali. Dejjem offrejna proposti konkreti li tfasslu wara diskussjonijiet mal-għaqdiet jew persuni konċernati. Dejjem konna hemm bħala l-aħħar linja ta’ difiża għal dawk li ġew diskriminati mill-Gvern, u nwiegħdu li se nibqgħu niġġieldu għas-sewwa.

Illum dan il-pajjiż għandu bżonn nifs ġdid. Dan huwa l-mument tagħna lil nagħtu lil Malta paġna ġdida biex timxi l-quddiem u tirnexxi. M’hemm l-ebda dubju li d-diffikultajiet huma kbar. Imma jien, personalment u anke f’isem sħabi l-kandidati, intikom il-kelma li se naħdmu bla waqfien għal Malta, u nistinkaw biex inkunu l-vuċi tagħkom jekk ittuna l-fiduċja. Mhux dejjem se nkunu perfetti imma meta ma naqblux, se nibqgħu lesti li npoġġu bilqiegħda u niddiskutu, għaliex fejn jintemm id-djalogu, hemm jibda l-inkwiet. 

Aħna ħerqana biex nisimgħu soluzzjoniiet u ideat minghandkom – għandna l-enerġija u r-rieda politika li nisimgħu u nibdew inwettqu flimkien. Għandna bżonn Gvern serju u Prim Ministru li jrid l-aħjar għal pajjiżna. Gvern li ma jibzax jieħu deċizjonijiet. Gvern li jasħeb mill-kbir saż-żgħir, kulħadd inkluż u ħadd eskluż. Prim Ministru li juri kif tidher id-diċenza u d-devozzjoni. 

Int li qed taqra, tinsab miegħi fl-aħħar mitt metru tat-tiġrija. Tibqax spettatur. Togħtorx u tpoġġi fuq il-bankina. Imma ibqa iġri bis-saħħa kollha tiegħek. Malta tkun tafhulek. F’din l-elezzjoni ma nistgħux noqogħdu pass lura u nittamaw li kollox jissolva waħdu. Ma naffordjawx nitilfu ċ-ċans li niddeċiedu l-futur ta’ pajjiżna għax qalbna maqtugħa jew frustrati. Irridu nħallu d-differenzi ta’ bejnietna warajna u nindunaw li kollha għandna dmir komuni.

Aħna qegħdin fil-politika biex naraw min jista’ jagħmel il-ħajja tal-poplu Malti aħjar. Il-Partit Nazzjonalista, immexxi minn Dr. Bernard Grech, għandu viżjoni ċara. Pjan konkret biex inwasslu lil pajjiżna għas-suċċess li tant jistħoqqlu. Din hija l-mixja għall-futur tagħna. 

Din hija l-kampanja tiegħek. Aħna miegħek. Aħna miegħek għal Malta. Kun magħna.

Rebekah Cilia

About

Membru Parlamentari. Kelliema għall-Artijiet u Drittijiet tal-Konsumatur. Inġinier u studenta tal-liġi.