L-Għasri, Għawdex Introduzzjoni L-Għasri llum għandu popolazzjoni ta’ ftit aktar minn 400 persuna. Minkejja li hu raħal ċkejken, l-Għasri għandu bosta ħtiġijiet laokali partikolari li joħolqu ċertu sfida lill-Kunsill Lokali u lill-kunsillieri li se jiġu eletti f’Mejju li ġej, biex tassew jintlaħqu l-aspettattivi tar-residenti u biex l-Għasri jibqa’ jingħata l-attenzjoni li jixraqlu. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta għadd ta’ proposti siewja, imfassla skont il-bżonnijiet ta’ din il-lokalità, u l-kunsillieri kollha eletti f’ismu qed jimpenjaw ruħhom li jmexxuhom ’il quddiem matul il-leġiżlatura li jmiss tal-Kunsilli Lokali. Barra minn hekk, dan il-Kunsill jeħtieġ iżomm relazzjoni tajba mal-bqija tal-Kunsilli Lokali Għawdxin biex ikun jista’ jwettaq il-ħidma tiegħu li tkun teħtieġ il-koperazzjoni ta’ Kunsilli oħrajn.
L-infrastruttura Bankini Il-Kunsill tal-Għasri jissokta bil-programm ta’ tiswijiet tal-bankini biex ir-residenti jkollhom bankini ta’ kwalità li jagħtuhom is-sigurtà li jixtiequ u li jkunu aċċessibbli għall-anzjani, għall-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa. Niżguraw li nneħħu l-perikli li wħud mill-bankini qed joħolqu biex nevitaw l-inċidenti u li nibnu oħrajn ġodda skont il-bżonn. Toroq Il-Kunsill jibqa’ jagħmel pressjoni fuq il-gvern ċentrali biex iwettaq dak li wiegħed, jiġifieri li fis-snin li ġejjin jagħmel it-toroq kollha tal-Għasri. Fl-istess waqt, il-Kunsill se jkompli għaddej bit-tiswija tat-toroq tal-lokalità biex ikunu evitati l-inċidenti u l-ħsarat fil-vetturi li jużawhom. Fost dawn hemm it-tkomplija ta’ Triq Għammar u ta’ Triq il-Fanal u x-xogħlijiet fi Triq Wied Sara u fi Triq it-Tamar. Nissoktaw bil-proġett tal-installazzjoni ta’ dawl ġdid, filwaqt li nneħħu bosta wajers mit-toroq li qed ikerrhu t-toroq antiki tal-lokalità. Playing fields, ġonna, pjazez u żoni miftuħa Il-Kunsill Lokali jiżgura li tinbena playing field ġdida fil-lokalità, u li tissokta l-manutenzjoni tal-ispazji miftuħa biex jinżammu dejjem fi stat tajjeb għar-residenti. Nagħtu importanza lit-tħaddir urban u lill-infrastruttura soċjali u ċivika li qiegħda fir-responsabbiltà tal-Kunsill. Barra minn hekk, inżidu aktar spazji miftuħa fil-lokalità biex ir-residenti u l-familji tal-Għasri jkollhom żoni apposta għar-rikreazzjoni u dawn l-ispazji jkunu jinkludu żoni mdawrin bi lqugħ biex l-annimali jkollhom fejn jiltaqgħu.
It-traffiku u l-parkeġġ Nagħrfu li l-parkeġġ qed isir problema wkoll f’Għawdex u għalhekk il-Kunsill jeħtieġ isib mezz biex jinħolqu spazji għal aktar parkeġġ fil-qalba tal-irħula biex jilqa’ għal din il-problema. Nissoktaw inħajru aktar residenti jużaw ir-roti għall-qadi u l-ħtiġijiet fil-lokalità.
It-trasport pubbliku Nissoktaw bil-ħidma mal-gvern ċentrali u mal-awtoritajiet biex naraw li r-residenti tal-Għasri jkunu moqdijin sew fejn jidħol it-trasport pubbliku. Barra minn hekk, nieħdu ħsieb li l-istejġijiet ta’ tal-linja madwar il-lokalità jinżammu dejjem fi stat tajjeb. Nipprovdu karozzi elettriċi għas-servizz tal-anzjani u tal-għaqdiet b’mod li jkunu jikkumplimentaw lis-servizz tat-trasport pubbliku.
Is-sigurtà Il-Kunsill jiżgura li f’ċertu żoni jitwaħħlu sistemi tas-CCTV ta’ kwalità biex jonqsu l-atti vandali, u biex ir-residenti jgħixu aktar b’moħħhom mistrieħ. Nagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet kompetenti biex tiżdied il-preżenza tal-pulizija fit-toroq speċjalment fil-ħinijiet ta’ billejl.
L-ambjent u l-indafa Il-Kunsill jissokta l-ħidma fuq proġetti ta’ enerġija alternattiva u rinnovabbli, speċjalment fit-toroq tal-lokalità. Ifassal programm ċar għat-toroq li jkun jimplimenta sistemi tad-dawl iġġenerat minn sorsi alternattivi tal-enerġija. Inwettqu proġetti oħrajn tal-enerġija rinnovabbli fiż-żoni pubbliċi, fosthom billi nesploraw il-possibbiltà ta’ ħidma bi sħab mal-entitajiet lokali ħalli jitwaħħlu panelli solari fuq postijiet pubbliċi, u mezzi oħrajn għal enerġija alternattiva. Il-Kunsill jeħtieġ juża l-ispazji tat-tħawwil bl-aħjar mod, u jara li jinżammu dejjem fi stat tajjeb. Infasslu pjan biex jinstabu żoni oħrajn li jistgħu jissebbħu bix-xtieli u bis-siġar. Nagħtu importanza xierqa lill-ħitan tas-sejjieħ billi nippromwovu u ninċentivaw ir-restawr u l-konservazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, inwettqu xogħol ta’ manutenzjoni u tindif f’Wied l-Għasri. Nissoktaw bil-ħidma id f’id mal-bdiewa biex nagħtuhom aktar aċċessibbiltà għall-għelieqi tagħhom u biex ikollhom ilma adattat għat-tisqija tal-uċuħ tar-raba’. Flimkien mal-awtoritajiet kompetenti, nagħtu prijorità lill-indafa tal-lokalità. Barra minn hekk, niżguraw li l-iskart jinħareġ u jinġabar fil-ħin u kif suppost, u li l-kuntratt tal-knis tal-lokalità jitħaddem kif mistenni. Nissoktaw b’għadd ta’ inizjattivi siewja relatati mal-immaniġġjar tal-iskart. Nieħdu ħsieb l-installazzjoni tal-laned għall-ħmieġ tal-annimali madwar il-lokalità.
L-edukazzjoni u l-kultura Inżidu l-għadd ta’ korsijiet li noffru lill-komunità tal-Għasri ħalli jkollha l-opportunità ttejjeb il-ħiliet tagħha. Fost dawn hemm korsijiet fl-ewwel għajnuna, fl-informatika, sessjonijiet ta’ artiġjanat, u bosta taħditiet informattivi. Minn żmien għal żmien, inqassmu materjal edukattiv biex ir-residenti tal-Għasri jibqgħu infurmati dwar l-inizjattivi u l-attivitajiet li jkunu qed iseħħu fil-lokalità.
L-isport Nibqgħu nkunu pjattaforma tajba għall-inizjattivi sportivi fil-lokalità biex nagħtu sehemna fil-ġlieda kontra l-vizzji u l-obeżità, u biex aktar tfal, adolexxenti u żgħażagħ jinvolvu ruħhom b’mod attiv fl-isports.
L-għaqdiet fil-lokalità Il-Kunsill jimpenja ruħu li jtejjeb u jkattar il-kuntatt mal-għaqdiet tal-lokalità għall-benefiċċju ta’ dawk kollha involuti. Niżguraw li l-għaqdiet lokali jingħataw aktar involviment attiv fil-komunità tal-Għasri, mhux biss biex jiżdied l-għarfien dwarhom iżda anki biex ir-residenti jitħajru jagħtu sehemhom fl-għaqdiet u fil-volontarjat. Ngħinu lill-għaqdiet lokali b’kull mezz, kemm bil-promozzjoni tal-attivitajiet li jorganizzaw fl-Għasri u anki billi nipprovdulhom il-faċilitajiet tal-lokalità.
Komunikazzjoni u konsultazzjoni Il-Kunsill Lokali jeħtieġ jibqa’ jikkonsulta lir-residenti f’kull inizjattiva tiegħu li tkun tolqot direttament lir-residenti. Nibqgħu viċin in-nies biex nibqgħu nagħrfu l-ħtiġijiet u l-aspettattivi tagħhom u biex nisimgħu l-ideat tagħhom għal lokalità aħjar. Ninvolvu aktar liż-żgħażagħ fid-diskussjoni u fil-proċess ta’ konsultazzjoni qabel it-teħid tad-deċiżjonijiet. Nipprovdu bosta servizzi ġodda online biex ir-residenti jinqdew minn djarhom, filwaqt li naraw li l-uffiċċju tal-Kunsill isir one-stop-shop għal ħafna mis-servizzi biex il-komunità tal-Għasri tkun tista’ tinqeda fil-lokalità tagħha stess. Nipprovdu informazzjoni aktar spissa lir-residenti permezz tal-bulettin li jippubblika l-Kunsill minn żmien għal żmien. Inħaddmu l-vantaġġi li tipprovdi l-midja soċjali biex ir-residenti jibqgħu infurmati kontinwament bl-inizjattivi li jkunu qed jittieħdu. Nagħtu aċċess lill-għaqdiet lokali għall-midja soċjali tal-Kunsill biex itejbu l-komunikazzjoni tagħhom u biex jippromwovu l-attivitajiet li jkunu qed jorganizzaw.
Il-Fondi Ewropej Nikkollaboraw ma’ Kunsilli Lokali Għawdxin oħrajn biex ningaġġaw u ninvolvu lil persuni esperti fil-fondi Ewropej biex jiġu identifikati oqsma li jattiraw il-fondi tal-Unjoni Ewropea. Din l-inizjattiva għandha tinkludi wkoll lill-għaqdiet tal-lokalità biex anki huma jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-fondi tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, nesploraw il-possibbiltà ta’ ġemellaġġi u skambji ma’ lokalitajiet oħrajn barra minn xtutna li jħallu l-frott tagħhom liż-żewġ naħat.
Il-lat soċjali Il-Kunsill jagħti importanza kbira lil-lat soċjali tal-komunità, u għaldaqstant tul il-leġiżlatura se nibqgħu nappoġġaw il-proġetti li jagħmlu l-ġid fil-ħajja ta’ kuljum tal-komunità tal-Għasri. Flimkien mal-professjonisti u ma’ Kunsilli Lokali Għawdxin oħrajn, inħejju programm ta’ ħidma soċjali li jkun ta’ fejda għal bosta familji u individwi li jeħtieġu l-appoġġ. Ikun programm li jinkludi lill-anzjani, lit-tfal, lis-single parents, lill-persuni b’ħiliet differenti, lill-persuni li jgħixu waħedhom u lil dawk li jgħaddu minn xi diffikultajiet partikolari.
Attivitajiet lokali Niżguraw li jiġu organizzati aktar attivitajiet li jseddqu l-għaqda fil-komunità fi żminijiet partikolari, fosthom fil-Milied, fil-Karnival, fi żmien l-Għid u fil-ġimgħa tal-festa. Norganizzaw ukoll attivitajiet li jżidu l-għarfien dwar il-lokalità tal-Għasri fost ir-residenti. |