L-Iklin Introduzzjoni L-Iklin illum għandu popolazzjoni li taqbeż it-3,300 persuna. Bħall-bqija tal-lokalitajiet f’Malta, l-Iklin għandu bosta ħtiġijiet lokali partikolari li joħolqu ċertu sfida lill-Kunsill Lokali u lill-kunsillieri li se jiġu eletti f’Mejju li ġej, biex tassew jintlaħqu l-aspettattivi tar-residenti u biex l-Iklin jibqa’ jingħata l-attenzjoni li jixraqlu. Il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta wkoll proposti siewja, imfassla skont il-bżonnijiet ta’ din il-lokalità, u l-kunsillieri kollha eletti f’ismu qed jimpenjaw ruħhom li jmexxuhom ’il quddiem matul il-leġiżlatura li jmiss tal-Kunsilli Lokali. Barra minn hekk, dan il-Kunsill jeħtieġ iżomm relazzjoni tajba mal-Kunsilli Lokali tal-madwar, fosthom tal-Mosta, tan-Naxxar, ta’ Ħal Balzan u Ħal Lija, tal-Imsida u ta’ Birkirkara biex ikun jista’ jwettaq il-ħidma tiegħu li tkun teħtieġ il-koperazzjoni ta’ Kunsilli oħrajn.
L-infrastruttura Bankini Il-Kunsill tal-Iklin jissokta bil-programm ta’ tiswijiet tal-bankini biex ir-residenti jkollhom bankini ta’ kwalità li jagħtuhom is-sigurtà li jixtiequ u li jkunu aċċessibbli għall-anzjani, għall-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa. Niżguraw li nneħħu l-perikli li wħud mill-bankini qed joħolqu biex nevitaw l-inċidenti u li nibnu oħrajn ġodda skont il-bżonn. Toroq Il-Kunsill jibqa’ jagħmel pressjoni fuq il-gvern ċentrali biex iwettaq dak li wiegħed, jiġifieri li fis-snin li ġejjin jagħmel it-toroq ewlenin kollha tal-Iklin. Fl-istess waqt, il-Kunsill se jkompli għaddej bit-tiswija tat-toroq tal-lokalità biex ikunu evitati l-inċidenti u l-ħsarat fil-vetturi li jużawhom. Inniedu proġett biex niżguraw li t-toroq tal-lokalità jkunu mdawla kif xieraq u li d-dawl ikun effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Playing fields, ġonna, pjazez u żoni miftuħa Il-Kunsill Lokali jiżgura li tibqa’ ssir il-manutenzjoni tal-playing field, tal-ġonna u tal-ispazji miftuħa biex jinżammu dejjem fi stat tajjeb għar-residenti. Nagħtu importanza lit-tħaddir urban u lill-infrastruttura soċjali u ċivika li qiegħda fir-responsabbiltà tal-Kunsill. Nagħmlu l-isforzi kollha u nieħdu l-passi meħtieġa biex naraw li l-iżvilupp fiż-żona urbana tal-lokalità jkun jirrispetta l-politika tal-ippjanar u l-karatteristiċi tar-raħal tagħna. Inżidu l-ispazji miftuħa fil-lokalità biex ir-residenti u l-familji tal-Iklin ikollhom żoni apposta għar-rikreazzjoni.
It-traffiku u l-parkeġġ Il-Kunsill jeħtieġ jidħol f’diskussjonijiet mal-awtoritajiet mingħajr dewmien biex tinstab soluzzjoni għall-fluss tal-karozzi li qed jgħaddu mill-Iklin f’ċertu ħinijiet tal-ġurnata. Dan hu ta’ inkonvenjent għar-residenti u sors qawwi ta’ tniġġis. Nagħrfu li l-problema tal-parkeġġ qed kulma jmur tiżdied u għalhekk il-Kunsill jeħtieġ isib mezz biex jinħolqu spazji għal aktar parkeġġ, b’mod partikolari fiż-żoni tal-Iklin li qed ibatu l-iżjed minn din il-problema.
It-trasport pubbliku Il-Kunsill jibqa’ jaċċerta li r-rotta tat-transport pubbliku tkun taqdi l-ħtiġijiet tat-trasport tar-residenti tal-Iklin biex niżguraw li dawn jibqgħu moqdijin sew. Nissoktaw il-ħidma fuq is-servizz ta’ minivan ċirkolari mingħajr ħlas li jikkumplimenta lis-servizz tat-trasport pubbliku, biex ir-residenti jkunu jistgħu jużaw aħjar is-servizz soċjali u taċ-ċentru tas-saħħa tal-lokalitajiet viċin. Dan ikun maħsub b’mod partikolari għar-residenti anzjani tal-lokalità, biex inżidulhom l-aċċessibbiltà. Nissoktaw bil-ħidma fuq l-installazzjoni ta’ stejġijiet ta’ tal-linja madwar il-lokalità.
Is-sigurtà Il-Kunsill jiżgura li f’ċertu żoni jitwaħħlu sistemi tas-CCTV ta’ kwalità biex jonqsu l-abbużi u l-atti vandali u biex ir-residenti jgħixu aktar b’moħħhom mistrieħ. Nagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet kompetenti biex tiżdied il-preżenza tal-pulizija fit-toroq speċjalment fil-ħinijiet ta’ filgħaxija.
L-ambjent u l-indafa Il-Kunsill jibda jaħdem qatigħ biex niżguraw li l-lokalità tagħna ma tinħakimx minn bini għoli aktar milli suppost biex nibżgħu għall-patrimonju u l-ambjent. Minbarra fejn jidħol id-dawl fit-toroq, inwettqu proġetti oħrajn tal-enerġija rinnovabbli fiż-żoni pubbliċi, fosthom billi nesploraw il-possibbiltà ta’ ħidma bi sħab mal-entitajiet lokali ħalli jitwaħħlu panelli solari fuq postijiet pubbliċi, u mezzi oħrajn għal enerġija alternattiva. Il-Kunsill jeħtieġ juża l-ispazji tat-tħawwil bl-aħjar mod, u jara li jinżammu dejjem fi stat tajjeb. Infasslu pjan biex jinstabu żoni oħrajn li jistgħu jissebbħu bix-xtieli u bis-siġar. Flimkien mal-awtoritajiet kompetenti, nagħtu prijorità lill-indafa tal-lokalità. Barra minn hekk, niżguraw li l-iskart jinħareġ u jinġabar fil-ħin u kif suppost, u li l-kuntratt tal-knis tal-lokalità jitħaddem kif mistenni. Nissoktaw b’għadd ta’ inizjattivi siewja relatati mal-immaniġġjar tal-iskart u nkomplu l-installazzjoni tal-laned għall-ħmieġ tal-annimali madwar il-lokalità. Nikkollaboraw mar-residenti biex il-bring-in sites jintużaw skont l-iskop tagħhom.
L-edukazzjoni u l-kultura Inkomplu nipprovdu korsijiet lill-komunità tal-Iklin biex ittejjeb il-ħiliet u l-kwalifiki tagħha, u minn żmien għal żmien inqassmu materjal edukattiv biex ir-residenti jibqgħu infurmati dwar l-inizjattivi u l-attivitajiet li jkunu qed iseħħu fil-lokalità.
L-isport Naħdmu mal-għaqdiet sportivi biex il-faċilitajiet sportivi eżistenti tal-lokalità tibqa’ ssirilhom il-manutenzjoni meħtieġa ħalli jibqgħu dejjem fi stat tajjeb, u minn żmien għal żmien nibqgħu norganizzaw attivitajiet sportivi li jattiraw bosta interess. Ninstallaw għadd ta’ slottijiet għar-roti madwar il-lokalità. Nibqgħu nkunu pjattaforma tajba għall-inizjattivi sportivi fil-lokalità biex nagħtu sehemna fil-ġlieda kontra l-vizzji u l-obeżità, u biex aktar tfal, adolexxenti u żgħażagħ jinvolvu ruħhom b’mod attiv fl-isports.
L-għaqdiet fil-lokalità Il-Kunsill jimpenja ruħu li jtejjeb u jkattar il-kuntatt mal-għaqdiet tal-lokalità għall-benefiċċju ta’ dawk kollha involuti. Niżguraw li l-għaqdiet lokali jingħataw aktar involviment attiv fil-komunità tal-Iklin, mhux biss biex jiżdied l-għarfien dwarhom iżda anki biex ir-residenti jitħajru jagħtu sehemhom fl-għaqdiet u fil-volontarjat.
Komunikazzjoni u konsultazzjoni Il-Kunsill Lokali jeħtieġ jibqa’ jikkonsulta lir-residenti f’kull inizjattiva tiegħu li tkun tolqot direttament lir-residenti. Nipprovdu servizz ta’ applikazzjonijiet online u nħaddmu l-vantaġġi li tipprovdi l-midja soċjali biex ir-residenti jibqgħu infurmati kontinwament bl-inizjattivi li jkunu qed jittieħdu. Nagħtu aċċess lill-għaqdiet lokali għall-midja soċjali tal-Kunsill biex itejbu l-komunikazzjoni tagħhom u biex jippromwovu l-attivitajiet li jkunu qed jorganizzaw. Nipprovdu informazzjoni lir-residenti permezz tal-bulettin li jippubblika l-Kunsill minn żmien għal żmien.
Il-komunità kummerċjali Il-Kunsill jibqa’ jżomm kuntatt frekwenti mas-sidien tal-entitajiet kummerċjali lokali biex inwettqu ħidma li tgħin lir-residenti u lil dawk li għażlu li jinvestu n-negozju tagħhom fl-Iklin.
Il-Fondi Ewropej Ningaġġaw u ninvolvu lil persuni esperti fil-fondi Ewropej biex jiġu identifikati oqsma li jattiraw il-fondi tal-Unjoni Ewropea. Din l-inizjattiva għandha tinkludi wkoll lill-għaqdiet tal-lokalità biex anki huma jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-fondi tal-Unjoni Ewropea.
Il-lat soċjali Bil-ħidma tiegħu, il-Kunsill jeħtieġ jagħti importanza kbira lil-lat soċjali tal-komunità. Għalhekk, tul il-leġiżlatura nibqgħu nappoġġaw bis-sħiħ il-proġetti ta’ fejda għall-komunità tal-Iklin, b’mod partikolari biex ir-residenti jħossuhom parti minn din il-komunità. Minbarra li nipprovdu bosta servizzi ġodda online biex ir-residenti jinqdew minn djarhom, fosthom biex japplikaw għall-permessi, naraw li l-uffiċċju tal-Kunsill Lokali jimxi lejn post fil-lokalità li jkun aktar aċċessibbli għar-residenti.
Attivitajiet lokali Nibqgħu norganizzaw il-Festa tal-Fjuri li issa saret parti mill-kalendarju annwali tal-lokalità, u nibqgħu nżidu l-involviment u l-parteċipazzjoni tar-residenti. Barra minn hekk, niżguraw li jiġu organizzati aktar attivitajiet li jseddqu l-għaqda fil-komunità fi żminijiet partikolari, fosthom fi żmien il-Milied u fi żmien l-Għid. Norganizzaw ukoll attivitajiet li jżidu l-għarfien dwar l-Iklin l fost ir-residenti. |