L-Imdina
Introduzzjoni
L-Imdina llum għandha popolazzjoni ta’ ftit iżjed minn 200 persuna, iżda bħall-bqija tal-lokalitajiet f’Malta, din għandha bosta ħtiġijiet lokali partikolari li joħolqu ċertu sfida lill-Kunsill Lokali u lill-kunsillieri li se jiġu eletti f’Mejju li ġej, biex tassew jintlaħqu l-aspettattivi tar-residenti u biex l-Imdina tibqa’ tingħata l-attenzjoni li jixirqilha.
Il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta wkoll proposti siewja, imfassla skont il-bżonnijiet ta’ din il-lokalità, u l-kunsillieri kollha eletti f’ismu qed jimpenjaw ruħhom li jmexxuhom ’il quddiem matul il-leġiżlatura li jmiss tal-Kunsilli Lokali.
Barra minn hekk, dan il-Kunsill jeħtieġ iżomm relazzjoni tajba mal-Kunsilli Lokali tal-madwar, fosthom tar-Rabat, tal-Mosta u ta’ Ħ’Attard biex ikun jista’ jwettaq il-ħidma tiegħu li tkun teħtieġ il-koperazzjoni ta’ Kunsilli oħrajn.
L-infrastruttura
Bankini u paviment
Il-Kunsill tal-Imdina jissokta bil-programm ta’ manutenzjoni tal-bankini u tal-pavimenti tal-Imdina biex ir-residenti u l-viżitaturi jibqa’ jkollhom bankini ta’ kwalità li jagħtuhom is-sigurtà li jixtiequ u li jkunu aċċessibbli għall-anzjani, għall-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa.
Playing fields, ġonna, pjazez u żoni miftuħa
Il-Kunsill Lokali jiżgura li tibqa’ ssir il-manutenzjoni tal-playing fields, tal-ġonna u tal-ispazji miftuħa biex jinżammu dejjem fi stat tajjeb għar-residenti u l-viżitaturi. Nagħtu importanza lit-tħaddir urban u lill-infrastruttura soċjali u ċivika li qiegħda fir-responsabbiltà tal-Kunsill.
Nerġgħu nibnu l-bandli tal-Imdina mill-ġdid biex ir-residenti jkollhom spazju rikreattiv modern u aċċessibbli.
Inwettqu manutenzjoni u tisbiħ tal-ġonna ta’ madwar l-Imdina u niżguraw li jibqgħu nodfa u fi stat tajjeb.
It-traffiku u l-parkeġġ
Nagħrfu li l-problema tal-parkeġġ qed kulma jmur tiżdied u għalhekk il-Kunsill jeħtieġ jaħdem mal-Kunsilli tal-madwar biex jinħolqu spazji għal aktar parkeġġ, b’mod partikolari għall-viżitaturi u t-turisti.
It-trasport pubbliku
Il-Kunsill jibqa’ jaċċerta li r-rotta tat-trasport pubbliku tkun taqdi l-ħtiġijiet tat-trasport tar-residenti tal-Imdina biex niżguraw li dawn jibqgħu moqdijin sew.
Is-sigurtà
Il-Kunsill jiżgura li f’ċertu żoni jitwaħħlu sistemi tas-CCTV ta’ kwalità biex jonqsu l-atti vandali u r-residenti jgħixu aktar b’moħħhom mistrieħ.
Nagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet kompetenti biex tiżdied il-preżenza tal-pulizija fit-toroq speċjalment fil-ħinijiet ta’ matul il-jum.
L-ambjent u l-indafa
Il-Kunsill jeħtieġ juża l-ispazji tat-tħawwil bl-aħjar mod, u jara li jinżammu dejjem fi stat tajjeb. Infasslu pjan biex jinstabu żoni oħrajn li jistgħu jissebbħu bix-xtieli u bis-siġar.
Flimkien mal-awtoritajiet kompetenti, nibqgħu nagħtu prijorità lill-indafa tal-lokalità. Barra minn hekk, niżguraw li l-iskart jinħareġ u jinġabar fil-ħin u kif suppost, u li l-kuntratt tal-knis tal-lokalità jitħaddem kif mistenni.
Il-wirt storiku
Il-Kunsill jaħdem mal-gvern ċentrali u mal-awtoritajiet biex jissokta r-restawr tal-kappelli, tal-ħitan interni u tal-vaults tal-Imdina, biex il-lokalità tagħna tibqa’ fost l-isbaħ attrazzjonijiet turistiċi f’pajjiżna.
Komunikazzjoni u konsultazzjoni
Il-Kunsill Lokali jeħtieġ jibqa’ jikkonsulta lir-residenti f’kull inizjattiva tiegħu li tkun tolqot direttament lir-residenti.
Nipprovdu servizz ta’ applikazzjonijiet online u nħaddmu l-vantaġġi li tipprovdi l-midja soċjali biex ir-residenti jibqgħu infurmati kontinwament bl-inizjattivi li jkunu qed jittieħdu.
Nipprovdu informazzjoni lir-residenti permezz tal-bulettin li jippubblika l-Kunsill minn żmien għal żmien.
Il-komunità kummerċjali
Il-Kunsill jibqa’ jżomm kuntatt frekwenti mas-sidien tal-entitajiet kummerċjali lokali biex inwettqu ħidma li tgħin lir-residenti u lil dawk li għażlu li jinvestu n-negozju tagħhom fl-Imdina.
Il-Fondi Ewropej
Ningaġġaw u ninvolvu lil persuni esperti fil-fondi Ewropej biex jiġu identifikati oqsma li jattiraw il-fondi tal-Unjoni Ewropea. Din l-inizjattiva għandha tinkludi wkoll lill-għaqdiet tal-lokalità biex anki huma jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-fondi tal-Unjoni Ewropea.