L-Imġarr Introduzzjoni L-Imġarr għandu popolazzjoni ta’ madwar 3,600 persuna. Bħall-bqija tal-lokalitajiet f’Malta, l-Imġarr għandu bosta ħtiġijiet lokali partikolari li joħolqu sfida ta’ kuljum lill-Kunsill Lokali u lill-kunsillieri li se jiġu eletti f’Mejju li ġej, biex tassew jintlaħqu l-aspettattivi tar-residenti u biex l-Imġarr jingħata l-attenzjoni li jixraqlu. Il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta wkoll proposti siewja, imfassla skont il-bżonnijiet ta’ din il-lokalità, u l-kunsillieri kollha eletti f’ismu qed jimpenjaw ruħhom li jmexxuhom ’il quddiem matul il-leġiżlatura li jmiss tal-Kunsilli Lokali. Barra minn hekk, dan il-Kunsill jeħtieġ iżomm relazzjoni tajba mal-Kunsilli Lokali tal-madwar, fosthom tar-Rabat, tal-Imtarfa, tal-Mosta, tal-Mellieħa u ta’ San Pawl il-Baħar biex ikun jista’ jwettaq il-ħidma tiegħu li tkun teħtieġ il-koperazzjoni ta’ Kunsilli oħrajn.
L-infrastruttura Bankini Il-Kunsill tal-Imġarr jissokta bil-programm ta’ tiswijiet tal-bankini biex ir-residenti jkollhom bankini ta’ kwalità li jagħtuhom is-sigurtà li jixtiequ u li jkunu aċċessibbli għall-anzjani, għall-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa. Niżguraw li nneħħu l-perikli li wħud mill-bankini qed joħolqu biex nevitaw l-inċidenti u li nibnu oħrajn ġodda skont il-bżonn. Nieħdu ħsieb il-manutenzjoni taż-żebgħa mad-dawriet tar-roundabouts u matul is-centre strips fit-toroq tal-lokalità biex ikunu ta’ għajnuna għas-sewwieqa. Toroq Il-Kunsill jibqa’ jagħmel pressjoni fuq il-gvern ċentrali biex iwettaq dak li wiegħed, jiġifieri li snin li ġejjin jagħmel it-toroq kollha tal-Imġarr. Fl-istess waqt, il-Kunsill se jkompli għaddej bit-tiswija tat-toroq tal-lokalità u fiż-żoni rurali biex ikunu evitati l-inċidenti u l-ħsarat fil-vetturi li jużawhom. Naħdmu biex inżommu manutenzjoni kontinwa tas-sinjali tat-traffiku u tat-tabelli fit-toroq, filwaqt li nkomplu l-ħidma fuq il-bini tal-ħitan tas-sejjiegħ f’ċertu nħawi. Playing fields, ġonna, pjazez u żoni miftuħa Il-Kunsill Lokali jiżgura li tibqa’ ssir il-manutenzjoni tal-playing fields, tal-ġonna u tal-ispazji miftuħa biex jinżammu dejjem fi stat tajjeb għar-residenti. Nagħtu importanza lit-tħaddir urban u lill-infrastruttura soċjali u ċivika li qiegħda fir-responsabbiltà tal-Kunsill. Nissoktaw bil-proġett ta’ faċilitajiet u bandli ġodda fil-Ġnien Skorba taż-Żebbiegħ u fi Triq l-Alwiża. Nieħdu ħsieb il-manutenzjoni u t-tisbiħ tal-masġar ta’ Darrenzi biex ikun spazju ieħor miftuħ għar-residenti u l-viżitaturi.
It-traffiku u l-parkeġġ Nagħrfu li l-problema tal-parkeġġ qed kulma jmur tiżdied u għalhekk il-Kunsill jeħtieġ isib mezz biex jinħolqu spazji għal aktar parkeġġ, b’mod partikolari fiż-żoni tal-Imġarr li qed ibatu l-iżjed minn din il-problema.
It-trasport pubbliku Filwaqt li jidher li l-Imġarr hu moqdi fejn jidħol it-trasport pubbliku, nesploraw il-possibbiltà ta’ servizz ċirkolari tat-trasport lejn lokalitajiet fil-viċin, li jkun maħsub skont il-ħtiġijiet tar-residenti u b’mod speċjali ta’ dawk b’inqas aċċessibbiltà.
L-ambjent u l-indafa Il-Kunsill jibda jaħdem fuq proġetti ta’ enerġija alternattiva u rinnovabbli, speċjalment fit-toroq tal-lokalità. Ifassal programm ċar għat-toroq li jkun jimplimenta sistemi tad-dawl iġġenerat minn sorsi alternattivi tal-enerġija. Inwettqu proġetti oħrajn tal-enerġija rinnovabbli fiż-żoni pubbliċi, fosthom billi nesploraw il-possibbiltà ta’ ħidma bi sħab mal-entitajiet lokali ħalli jitwaħħlu panelli solari fuq postijiet pubbliċi, u mezzi oħrajn għal enerġija alternattiva. Nissoktaw bil-proġett tal-mixtla Maltija fiż-żona tal-Faċċol u nużaw l-ispazji tat-tħawwil bl-aħjar mod filwaqt li naraw li jinżammu dejjem fi stat tajjeb. Infasslu pjan biex jinstabu żoni oħrajn li jistgħu jissebbħu bix-xtieli u bis-siġar. Flimkien mal-awtoritajiet kompetenti, nagħtu prijorità lill-indafa tal-lokalità. Barra minn hekk, niżguraw li l-iskart jinħareġ u jinġabar fil-ħin u kif suppost, u li l-kuntratt tal-knis tal-lokalità jitħaddem kif mistenni.
L-edukazzjoni u l-kultura Il-Kunsill iżomm relazzjoni tajba mal-iskejjel fil-lokalità, u naħdmu mal-gvern ċentrali biex tikber l-iskola primarja ħalli tkun tiflaħ għall-eżiġenzi ġodda tal-lokalità. Nipprovdu għadd ta’ korsijiet, fosthom fl-informatika, kemm għal min irid jibda jitgħallem il-kompjuter, għal min irid jikseb ċertifikat fl-ECDL, min irid jitgħallem juża l-internet, is-servizz e-Citizen, u Learn IT, biex b’hekk ir-residenti tal-Imġarr ikollhom l-opportunità li jtejbu l-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom. Minn żmien għal żmien, inqassmu materjal edukattiv biex ir-residenti tal-Imġarr jibqgħu infurmati dwar l-inizjattivi u l-attivitajiet li jkunu qed iseħħu fil-lokalità. Fil-binja tal-Kunsill norganizzaw ukoll bosta wirjiet kulturali li juru talenti lokali u nazzjonali.
L-isport Nibqgħu nkunu pjattaforma tajba għall-inizjattivi sportivi fil-lokalità biex nagħtu sehemna fil-ġlieda kontra l-vizzji u l-obeżità, u biex aktar tfal, adolexxenti u żgħażagħ jinvolvu ruħhom b’mod attiv fl-isports.
L-għaqdiet fil-lokalità Il-Kunsill jimpenja ruħu li jtejjeb u jkattar il-kuntatt mal-għaqdiet tal-lokalità u mal-parroċċa għall-benefiċċju ta’ dawk kollha involuti. Niżguraw li l-għaqdiet lokali jingħataw aktar involviment attiv fil-komunità tal-Imġarr, mhux biss biex jiżdied l-għarfien dwarhom iżda anki biex ir-residenti jitħajru jagħtu sehemhom fl-għaqdiet u fil-volontarjat.
Il-lat soċjali Il-Kunsill jeħtieġ jagħti importanza xierqa lil-lat soċjali tal-komunità. Għaldaqstant tul il-leġiżlatura li jmiss inkomplu nikkollaboraw ma’ entitajiet pubbliċi biex norganizzaw għadd ta’ żjarat kulturali għall-istudenti, għaż-żgħażagħ u għall-anzjani tal-lokalità. Wara li ftaħna ċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-anzjani tal-lokalità, nesploraw il-possibbiltà li niftħu Ċentru ta’ Matul il-Lejl skont il-ħtiġijiet tal-Imġarr.
Attivitajiet lokali Nagħtu prijorità lill-attivitajiet ta’ agrituriżmu intern fosthom il-Festa Frawli, il-Lejla Imġarrija u attivitajiet oħrajn li jippromwovu l-ħidma u l-prodott tal-bdiewa Imġarrin. Niżguraw li jiġu organizzati aktar attivitajiet li jseddqu l-għaqda fil-komunità fi żminijiet partikolari, fosthom fil-Milied, fil-Karnival, fi żmien l-Għid u fil-ġimgħa tal-festa. Norganizzaw ukoll attivitajiet li jżidu l-għarfien dwar l-Imġarr fost ir-residenti. |