Il-Qrendi Introduzzjoni Ir-raħal tal-Qrendi llum għandu popolazzjoni ta’ madwar 2,700 persuna. Bħall-bqija tal-lokalitajiet f’Malta, il-Qrendi għandu bosta ħtiġijiet lokali partikolari li joħolqu ċertu sfida lill-Kunsill Lokali u lill-kunsillieri li se jiġu eletti f’Mejju li ġej, biex tassew jintlaħqu l-aspettattivi tar-residenti u biex il-Qrendi jibqa’ jingħata l-attenzjoni li jixirqilha. Il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta wkoll proposti siewja, imfassla skont il-bżonnijiet ta’ din il-lokalità, u l-kunsillieri kollha eletti f’ismu qed jimpenjaw ruħhom li jmexxuhom ’il quddiem matul il-leġiżlatura li jmiss tal-Kunsilli Lokali. Barra minn hekk, dan il-Kunsill jeħtieġ iżomm relazzjoni tajba mal-Kunsilli Lokali tal-madwar, fosthom tal-Imqabba, taż-Zurrieq, u tas-Siggiewi biex ikun jista’ jwettaq il-ħidma tiegħu li tkun teħtieġ il-koperazzjoni ta’ Kunsilli oħrajn.
L-infrastruttura Bankini Il-Kunsill tal-Qrendi jissokta bil-programm ta’ tiswijiet tal-bankini. Se nkomplu naħdmu biex ir-residenti jkollhom bankini ta’ kwalità li jagħtuhom is-sigurtà li jixtiequ u li jkunu aċċessibbli għall-anzjani, għall-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa. Niżguraw li nneħħu l-perikli li wħud mill-bankini qed joħolqu biex nevitaw l-inċidenti u li nibnu oħrajn ġodda skont il-bżonn. Toroq Il-Kunsill jibqa’ jagħmel pressjoni fuq il-gvern ċentrali biex iwettaq dak li wiegħed, jiġifieri li fis-snin li ġejjin jagħmel it-toroq ewlenin tal-Qrendi. Jitkomplew ix-xogħlijiet ta’ asfaltar tat-trejqiet fir-raba’ tal-Qrendi permezz ta’ fondi Ewropej waqt li nibżgħu għall-karattru ta’ dawn it-trejqiet. Fl-istess waqt, il-Kunsill se jkompli għaddej bit-tiswija tat-toroq tal-lokalità biex ikunu evitati l-inċidenti u l-ħsarat fil-vetturi li jużawhom. Playing fields, ġonna, pjazez u żoni miftuħa Il-kunsillieri Nazzjonalisti fil-Kunsill Lokali jiżguraw li jitkompla x-xogħol ta’ manutenzjoni fil-ġonna u fl-ispazji miftuħa biex jibqgħu dejjem fi stat tajjeb għar-residenti. Nirrestawraw l-isqaqien b’pavimentar taċ-ċangatura u ndawluhom b’dawl li jirrispetta l-ambjent tal-Qrendi. Insebbħu Misraħ Santa Marija b’bankijiet ġodda u b’dawl kif xieraq. Nirrinovaw Triq Rokku Buhagiar kollha kemm hi, intejbuha b’pavimentar u dawl li jikkumplimentaw l-ambjent. Nirriġeneraw l-inħawi tal-Monument tal-Gwerra u nintegrawh fl-istess proġett, minn Triq il-Parroċċa sa Misraħ Santa Marija. Nissoktaw insebbħu Pjazza San Mattew b’attrazzjoni tal-ilma li biex jintuża l-ilma li jinġema’ fl-inħawi u naraw li jsir immaniġġjar aħjar tat-traffiku biex ma jonqosx l-ispazju miftuħ. Nagħtu importanza wkoll lit-tħaddir urban tal-lokalità u lill-infrastruttura soċjali u ċivika li hi fir-responsabbiltà tal-Kunsill.
It-traffiku u l-parkeġġ Nagħrfu li l-problema tal-parkeġġ qed kulma jmur tiżdied u għalhekk il-Kunsill jeħtieġ isib mezz biex jinħolqu spazji għal aktar parkeġġ, b’mod partikolari fiż-żoni tal-Qrendi li qed ibatu l-iżjed minn din il-problema.
It-trasport pubbliku Naraw li jitjieb is-servizz tat-trasport pubbliku speċjalment fil-ħinijiet ta’ filgħodu biex ma jkunx ta’ inkonvenjent għall-ħaddiema.
Is-sigurtà Il-Kunsill jiżgura li fiż-żoni magħrufa għall-abbużi jitwaħħlu sistemi tas-CCTV ta’ kwalità biex jonqos l-abbuż u r-residenti jgħixu aktar b’moħħhom mistrieħ. Nagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet kompetenti biex tiżdied il-preżenza tal-pulizija fil-lokalità speċjalment fil-ħinijiet ta’ filgħaxija.
L-ambjent u l-indafa Il-Kunsill jibda jaħdem fuq proġetti ta’ enerġija alternattiva u rinnovabbli, speċjalment fit-toroq tal-lokalità. Ifassal programm ċar għat-toroq li jkun jimplimenta sistemi tad-dawl iġġenerat minn sorsi alternattivi tal-enerġija. Inwettqu proġetti oħrajn tal-enerġija rinnovabbli fiż-żoni pubbliċi, fosthom billi nesploraw il-possibbiltà ta’ ħidma bi sħab mal-entitajiet lokali ħalli jitwaħħlu panelli solari fuq postijiet pubbliċi, u mezzi oħrajn għal enerġija alternattiva. Il-Kunsill jeħtieġ juża l-ispazji tat-tħawwil bl-aħjar mod, u jara li jinżammu dejjem fi stat tajjeb. Infasslu pjan biex jinstabu żoni oħrajn li jistgħu jissebbħu bix-xtieli u bis-siġar. Nibdew il-proċess biex fit-toroq tal-lokalità jiġu installati laned tal-iskart. Flimkien mal-awtoritajiet kompetenti, nagħtu prijorità lill-indafa tal-lokalità. Barra minn hekk, niżguraw li l-iskart jinġabar fil-ħin u kif suppost, u li l-kuntratt tal-knis tal-lokalità jitħaddem kif mistenni. Nissoktaw b’għadd ta’ inizjattivi siewja relatati mal-immaniġġjar tal-iskart.
L-edukazzjoni u l-kultura Nipprovdu għadd ġmielu ta’ korsijiet, fosthom fl-informatika, għal min irid jitgħallem juża l-kompjuter u l-internet, u anki għal min irid jikseb ċertifikat fl-ECDL, biex b’hekk ir-residenti tal-Isla jkollhom l-opportunità li jtejbu l-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom. Minn żmien għal żmien, inqassmu materjal edukattiv biex ir-residenti tal-Qrendi jibqgħu infurmati dwar l-inizjattivi u l-attivitajiet li jkunu qed iseħħu fil-lokalità. Fil-binja tal-Kunsill norganizzaw ukoll bosta wirjiet kulturali li juru talenti lokali u nazzjonali.
Il-wirt storiku Nerġgħu niftħu l-Ġnien tal-Kmand għall-pubbliku u nesploraw il-possibbiltà li jsir petting farm.
L-isport Il-Kunsill jissokta jtejjeb il-faċilitajiet sportivi għaż-żgħażagħ tal-Qrendi. Nibqgħu nkunu pjattaforma tajba għall-inizjattivi sportivi fil-lokalità biex nagħtu sehemna fil-ġlieda kontra l-vizzji u l-obeżità, u biex aktar tfal, adolexxenti u żgħażagħ jinvolvu ruħhom b’mod attiv fl-isports.
L-għaqdiet fil-lokalità Il-Kunsill jimpenja ruħu li jtejjeb u jkattar il-kuntatt mal-għaqdiet tal-lokalità għall-benefiċċju ta’ dawk kollha involuti. Niżguraw li l-għaqdiet lokali jingħataw aktar involviment attiv fil-komunità tal-Qrendi, mhux biss biex jiżdied l-għarfien dwarhom iżda anki biex ir-residenti jitħajru jagħtu sehemhom fl-għaqdiet u fil-volontarjat. Ngħinu lill-għaqdiet lokali b’kull mezz, kemm bil-promozzjoni tal-attivitajiet li jorganizzaw fl-Isla u anki billi nipprovdulhom il-faċilitajiet tal-lokalità.
Komunikazzjoni u konsultazzjoni Il-Kunsill Lokali jeħtieġ jibqa’ jikkonsulta lir-residenti f’kull inizjattiva tiegħu li tkun tolqot direttament lir-residenti, u nħeġġuhom jattendu iżjed għal-laqgħat tal-Kunsill. Nipprovdu informazzjoni aktar spissa lir-residenti permezz tal-bulettin li jippubblika l-Kunsill minn żmien għal żmien. Inħaddmu l-vantaġġi li tipprovdi l-midja soċjali biex ir-residenti jibqgħu infurmati kontinwament bl-inizjattivi li jkunu qed jittieħdu. Nagħtu aċċess lill-għaqdiet lokali għall-midja soċjali tal-Kunsill biex itejbu l-komunikazzjoni tagħhom u biex jippromwovu l-attivitajiet li jkunu qed jorganizzaw.
Il-komunità kummerċjali Il-Kunsill jeħtieġ iżomm kuntatt frekwenti mas-sidien tal-entitajiet kummerċjali lokali biex inwettqu ħidma li tgħin lir-residenti u lil dawk li għażlu li jinvestu n-negozju tagħhom tal-Qrendi.
Il-Qrendi bħala attrazzjoni turistika Nibdlu d-dawl dekorattiv ta’ Wied iż-Żurrieq, inkluż fin-niżla mit-triq imdawla sal-wied, biex ikun jaqbel mal-karattru tal-inħawi. Nerġgħu nibnu l-pont ta’ Wied Ħoxt li jagħti aċċess minn fuq il-wied għat-torri tal-għassa li hemm fuq ix-xaqliba ta’ Ħaġar Qim. Naraw li t-torri jiġi restawrat.
Il-lat soċjali Flimkien mal-professjonisti li jħaddem il-Kunsill Lokali, inħejju programm ta’ ħidma soċjali li jkun ta’ fejda għal bosta familji u individwi li jeħtieġu l-appoġġ. Ikun programm li jinkludi lill-anzjani, lit-tfal, lis-single parents, lill-persuni b’ħiliet differenti, lill-persuni li jgħixu waħedhom u lil dawk li jgħaddu minn xi diffikultajiet partikolari. Nesploraw il-possibbiltà ta’ sħubija pubblika privata biex tinfetaħ Dar tal-Anzjani.
Attivitajiet lokali u Jum l-Isla Il-Kunsill jibqa’ jorganizza Jum il-Qrendi, u jżid l-involviment tar-residenti. Niżguraw li jiġu organizzati aktar attivitajiet li jseddqu l-għaqda fil-komunità fi żminijiet partikolari, fosthom fil-Milied, fil-Karnival, fi żmien l-Għid u fil-ġimgħa tal-festa. Norganizzaw ukoll attivitajiet li jżidu l-għarfien dwar il-Qrendi fost ir-residenti |