Wasal iż-żmien li nwarrbu l-politika li twiegħed kollox u ma twettaq xejn. Mhux ġust li qabel l-elezzjoni wegħdu li ser itaffu l-problemi tas-sajjieda billi tinbena ‘Boatyard’ ġo Marsaxlokk iżda ħames snin wara ma sar xejn u s-sajjieda ġew għar milli qatt kienu qabel hekk kif qed jaffaċjaw multi u spejjeż meta jtellgħu il-bastimenti tagħhom l-art.

Dan qaluh il-Kelliem Ewlieni Peter Agius u l-Kandidat għall-Elezzjoni Ġenerali Errol Cutajar minn fejn l-iskall bil-luzzijiet għat-tiswija ġo Marsaxlokk. Agius insista li l-ħut frisk u bnin maqbud fil-baħar Malti huwa sors importanti ta’ nutriment kemm għall-familji Maltin kif ukoll għal min iżurna u jkun irid iduq il-prodott Malti. Huwa għalhekk li kull min imexxi għandu dover li jkun ta’ appoġġ għas-sajjied li lest jistinka u jaffronta l-elementi u l-perikli biex ipoġġi l-ħut bnin fuq il-mejda tal-Maltin.

Dan mhux qed isir preżentement fejn is-sajjied irid jaffronta burokrazija dejjem akbar u ma jsibx il-wens meħtieġ mill-awtorità. Agius spjega kif il-manifest elettorali tal-Partit Laburista tal-‘Aqwa Żmien’ jgħid iswed fuq l-abjad li għanda ssir ‘Boatyard’ li ssolvi l-problema tas-sajjieda li jkollom bżonn post fejn iżommu d-dgħajsa l-art sakemm isiru żebgħa u tiswijiet.

Kellmuna sajjieda li esprimew disprament li din is-sena u ta’ qabel kien hemm bosta li ma setgħux itellgħu id-dgħajjes għax sempliċement ma ssibx fejn tpoġġihom. Dan qed isir b’sogru għall-mantiniment meħtieġ fuq l-opri tal-baħar kif ukoll għas-sigurta’ tal-istess sajjieda.

Errol Cutajar spjega kif bosta sajjieda resqu lejh u spjegaw is-sitwazzjoni inkwetanti biex huma jtellgħu id-dgħajjes tagħhom bl-użu tal-‘hard standing facility’, faċilita ta’ rmonk ta’ dgħajjes li tinsab Marsaxlokk li hija investiment tajjeb ferm fejn però s-sajjieda qed jintalbu rapporti li jiswew mijiet kbar ta’ euro qabel tintuża l-faċilita’.

Cutajar insista kif is-sitwazzjoni hija tali li, speċjalment għal bastimenti kbar, numru ta’ sajjied qed jagħżlu li jkun jaqbel li jmorru ġo port fi Sqallija u jirmonkaw id-dgħajsa tagħhom hemm milli jużaw il-faċilitajiet hawn Malta.

Il-kelliema semmew ukoll li huwa fundamentali li l-flejjes tal-fondi Ewropej jintefqu bil-għaqal u b’konsultazjzoni kontinwa mas-sajjieda nfushom b’mod miftuħ u bla preġudizzju  bejn iż-żewġ kooperattivi tas-sajjieda. Dan jista’ jevita li jsiru xogħolijiet li mbagħad jitqiesu mhux sodisfa1enti bħal ma huwa l-każ tal-breakwater imwiegħed li s-sajjieda stess iqisu li ma sarx tajjeb u li mhux iserħilhom rashom  li d-dgħajjes tagħhom ikunu sikuri fil-maltemp.

Il-Partit Nazzjonalista qed joffri politika ferm aktar qrib is-sajjied, fost l-oħrajn bi proposta li s-sajjieda jkunu megħjuna jaffrontaw il-burokrazija tal-fondi Ewropej b’assistenza diretta li tgħinhom fl-applikazzjonijiet. Dan huwa fundamentali għax huma bosta s-sajjieda li sempliċement jaqtgħu qalbhom jaċċessaw fondi Ewropej ħabba l-kumplessita’ burokratika. Il-PN jinsisti wkoll li matul il-politika kollha ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista jkun hemm emfasi kontinwu fuq il-bżonn tal-appoġġ tal-pajjiż kollu għall-prodott Malti li mhux biss huwa sors ta’ nutriment u sigurtà tal-ikel għan-nazzjon iżda jirrakkonta wkoll tradizzjoni u identità u ċioe huwa wkoll espressjoni fundamentali ta’ min aħna l-Maltin u l-Għawdxin.

 

https://www.facebook.com/partitnazzjonalista/videos/262020185904396/

Partit Nazzjonalista

About

Aħna lesti biex inkunu MIEGĦEK 💪 Miegħek. Għal Malta 🇲🇹 pn.org.mt