1. Uliedna u ulied uliedna huma, ħafna drabi, mhux parti mill-aġenda nazzjonali.Inħarsu iktar biex inressqu liġijiet u proposti li jħarsu l-ekonomija staġnata ma’ kunċetti antiki tal-produzzjoni.  Iktar dawk li jimmiraw li jħarsu l-ħajjiet tal-adulti.  Ta’ dawk li qegħdin fil-ħajja tax-xogħol jew dak li huma fl-età tal-irtirar minnu.  Qisna waqafna naħsbu u nħarsu konkretament lejn dak li huma ser jaffrontaw ta’ warajna.  Qisna deċiżi li naħarbu minnu.

X’wirt għalihom?

2. X’ser inħallu lil dawk li ġejjin warajna għandna dmir inkomplu nistaqsu b’iktar prijorità.Mhux biss fl-aspett ambjentali, li huwa ċertament importanti, imma hemm ferm iktar.  Nistgħu nressqu u nikkunsidraw dak tad-dejn nazzjonali, li qiegħed jiżdied sew.  Nistgħu nħarsu lejn l-istrutturi demokratiċi tagħna u fuq it-tkabbir ta’ bnedmin li jridu jieħdu r-responsabbiltà tal-Istat.  Imma hemm żbilanċi li qed joħorġu diġà.

Twelid

3. Mill-istatistika, diġà huwa ċar li l-familji u l-koppji qegħdin jibqgħu lura milli jkollhom iktar ulied.Qegħdin fl-iktar l-isfel li qatt konna f’dawn l-aħħar mija u ħamsin sena.  Dan nistgħu naċċettawh bħala fatt u ma ninvestigawhx.  Ma nippruvawx insiru nafu għala dan qiegħed iseħħ.  Jista’ jkun effett ta’ soċjetà li tibbaża ruħha iktar fuq l-indipendenza tal-bniedem li jiġi klassifikat bħala l-individwu.  Waħda li tagħti u tippriedka direttament iktar kultura ta’ egoiżmu milli altruwiżmu.  Imma jista’ jkun hemm iktar.

X’soċjetà ser ikollna?

4. Snin ilu kkunsidrajna li l-età tal-pensjoni trid titla’ ‘l fuq, għax fost l-oħrajn, ser ikun hemm inqas Maltin u Għawdxin li jħallsu l-bolla u t-taxxa.Żbilanċ bejn il-fatt li, sfortunatament inqas qed jitwieldu, u fortunatament iktar qed idumu ħajjin.  Min jibqa’ ħaj jiddependi fuq ta’ warajh għal ħafna.  Imma dan, għalkemm ovvju, m’aħniex nikkunsidrawh fil-politika nazzjonali tagħna.  Nistgħu niddikjaraw li, f’dan, sejrin lejn soċjetà fejn inqas Maltin u Għawdxin ser ikunu qed jgħixu f’dawn il-gżejjer.  Mhux neċessarjament minoranza, imma tnaqqis tal-maġġoranza.

Kummissarju

5. Kien, ċertament, pass tajjeb li tmintax-il sena ilu, fl-2003, ġie mwaqqaf l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal.Sar ħafna xogħol, u għadu għaddej.  Imma hemm bżonn li fil-politika nazzjonali tagħna, din il-ħidma tiġi riflessa, u anzi promossa.  Bħal ma huwa tajjeb li sar il-pass, fl-2012, li jiġi maħtur Gwardjan tal-Ġenerazzjonijiet Futuri fil-liġi.  Passi tajba li saru minn Gvernijiet Nazzjonalisti li bnew dan.  Imma kemm qegħdin jingħataw attenzjoni u saħħa biex jaħdmu u jintervjenu, nesprimi dubju.  Ngħid li għandu jkollna proċess aqwa, li minnu nistaqsu, kull darba, jekk dak li qiegħed isir huwiex jikkunsidra l-interessi tas-soċjetà li ser tkun hawn warajna.

Fis-sitwazzjoni

6. Irridu nkunu soċjetà li tħares verament iktar ‘il quddiem.Għax għalkemm wieħed jifhem li din preżenti moħħha iktar biex tippreserva ruħha fil-pandemija, magħha hemm ukoll li l-Gvern jidher ċar li naqas mill-ħażna tal-ideat ta’ dak li għandu jsir u huwa iktar konċentrat fuq dak li jista’ jlaħħaq miegħu u jamministra.  Iktar li jnaddaf ismu milli joħroġ b’ideat li huma bżonnjużi.  Hemm lok għal riflessjoni politika dwar dan, biex wieħed jaħseb fi strutturi li jridu jinbnew issa, sabiex jiġu użati t’ta’ warajna lkoll.  Ħidma li trid bidliet ġodda.

X’passi

7. F’dan, għandna diversi sfidi li joħorġu, speċjalment meta taqra dokumenti ta’ pajjiżi oħra, li f’dan qabżuna.Għandna bżonn nippjanaw sabiex ikun hemm miżuri soċjali li jagħmlu l-ħajja tal-koppji iktar diffiċli biex irabbu ‘l-ulied, dejjem jekk iridu.  L-għaqda fil-familja titlob investimenti li mhux biss iħarsu lejn l-aspett finanzjarju u li huwa iktar qawwi, imma anki lejn dak kollu li jsawwar u jkabbar l-ingredjenti ta’ ġenerożità u kura vera.  Dan għall-ulied li qed jikbru u li ġejjin.  Dawk li għalihom għandna nibnu l-kundizzjonijiet soċjali, ekonomiċi u kulturali għall-koppji, sabiex fil-libertà tagħhom, jaraw.

Manifest għall-futur

8. F’dan, hemm bżonn manifest, dikjarazzjonijiet u proposti iktar qawwija sabiex nibdlu d-direzzjoni li għaddejjin fiha.Waħda li ma tibqax issostni l-egoiżmu u l-materjaliżmu ta’ dawk li qed jgħixu llum.  Imma waħda li tħares, tisma’ u tibni mekkaniżmu kulturali li jitlaq minn żewġ kunċetti.  L-ewwel: li jkollna politika nazzjonali li hija mhux reattiva, imma propożittiva.  It-tieni: li f’kull deċiżjoni politika, wieħed jikkunsidra li leġislattivament ikun hemm ir-rabta ta’ tara l-impatt għal dak li ġenerazzjonijiet oħra jridu jaffrontaw.

Mhux biss

9. Mhux biss dan, imma ferm iktar.Diġà l-protesta, l-għajta li trid tikxef u tikkontesta l-iżbalji passati qed tinkarna ruħha bil-preżenza ta’ persuni bħal Greta Thunberg, li tmexxi u tispira oħrajn.  Imma, anzi f’dan mhux biss passat, iżda diżapprovazzjoni qawwija tal-preżent.  Dan huwa element ta’ riżentiment soċjali tallum, li wieħed irid jara fil-futur, imma miegħu ser jingħaqdu dawk li ġejjin wara, fejn ser ikunu ferm iktar voċiferi f’dak kollu li ser inħallu warajna.  Wieħed li ser jgħabbi l-kunċett ta’ ġenerazzjonijiet li huma kontra xulxin f’konflitti futuri.

X’passi

10. Proprju f’dan kollu, għandna nifhmu li s-sitwazzjoni hija gravi, serja, u timmerita attenzjoni politika immedjata.Sa issa, l-istorja turi li l-Partit Nazzjonalista, f’dan ħares ferm iktar ‘il quddiem u progressivament.  Ħares li jibni strutturi sabiex nifhmu u nixtarru aħjar.  Imma, preżentement l-affarijiet juru li dak l-ippjanar waqaf.  Hemm waqfien u immobilizzazzjoni fl-ideat, li issa qiegħed isir iktar perikoluż.  Il-wirt li ser inħallu huwa kollu mimli dejn, mhux biss ekonomiku, imma f’setturi varji oħra.  Din hija r-realtà li titlob soluzzjoni, u dan dejjem jekk irridu nħarsu verament il-futur ta’ wliedna.

Carm Mifsud Bonnici

About

Literature Politics Chess