Kemm ilni nagħmel home visits, qatt, imma qatt, ma smajt u qed nisma’ daqstant ilmenti u krib fuq l-għoli tal-ħajja. 

Miniex nesaġera. Hemm min beka miegħi għax il-pensjoni tiegħu twasslu sal-ewwel ħmistax biss.

Kif qaltli mara anzjana gimagħtejn ilu f’Ħal Tarxien, illum biex issajjar platt soppa trid tonfoq daqs li kieku xtrajt l-ifjen fillet taċ-ċanga, jekk mhux iktar. Oħra ammettiet miegħi li meta l-prezz tal-qarabagħli sabitu €4 kull kilo, xi ħmistax ilu, ma setgħetx tixtrih.

Fejn irrid nasal?

Huwa għajb li d-Diskors tal-Budget ma iddedikax kelma waħda, imqar waħda, għal waħda mill-ikbar uġiegħ ta’ ras li l-Industrija (jiġifieri fabbriki u min jimporta u jesporta) għandha: iż-żieda fenomenali fl-ispejjeż tal-ġarr tal-merkanzija.

Din m’hijiex kwistjoni ta’ blu kontra l-aħmar, f’gieħ kemm hemm.

Din hija kwistjoni, jekk xejn, ta’ abjad u aħmar. Tal-Maltin u Għawdxin kollha. Għax kulħadd irid jixtri l-frott, il-ħxejjex, il-laħam, l-għaġin, il-pizza biex jiekol. Kulħadd irid jixtri l-ħwejjeġ x’jilbes u ż-żraben jew detergents. Kulħadd jiġi bżonn jixtri l-appliances biex isajjar jew jaħsel jew biex jaħmi. Għamara, toys jew twapet naħseb kulħadd xi darba jew oħra jiġi bżonn. 

Dawn kollha u ħafna iktar jiġu impurtati f’Malta f’containers kbar fuq bastimenti. Il-prezz tat-trasport ta’ container miċ-Ċina li kien €2,000 qabel l-2020 illum huwa iktar minn €12,000. It-Torċa stess f’Lulju li għadda fl-ewwel faċċata qalet li l-prezz tal-ġarr tal-merkanzija kien żied b’500% f’xi każijiet. L-Industrija f’Malta, li timpjega madwar 23,000 familja, qed tgħid ‘l Gvern li s-sitwazzjoni m’hijiex sostenibbli fit-tul. Minħabba dawn iż-żidiet fenomenali f’transportation costs l-Industrija Maltija ma tistax tikkompeti daqs il-Belgġan, it-Taljan, il-Ġermaniż jew Franċiż fejn il-merkanzija tivvjagga fuq l-art.

U l-agħar huwa li min imexxi l-Industrija f’Malta qed iwissi ‘l Gvern li s-sena d-dieħla l-ispejjeż ha jkomplu jogħlew. Jiġifieri, iktar għoli tal-ħajja minħabba l-ispejjeż tal-ġarr.

 

Xaharejn ilu għan-nom tal-PN ħabbart proposta: fond ta’ €40 miljun li ta’ kull sena jmorru għand l-Industrija, flok għand is-SOCAR korrotti kriminali u sħabhom f’Malta. B’dawn l-€40 miljun l-Industrija, li huma ekwivalenti għal kemm l-Industrija qed jkollha tħallas iżjed minħabba l-ġarr tal-merkanzija bil-baħar, il-fabbriki Maltin jsalvaw u joktru.

B’dawn l-€40 miljun il-cake nazzjonali, il-GDP, huwa ikkalkulat li jiżdied b’10%, jiġifieri iktar flus fil-but għax inqas spejjeż.

Sal-llum, il-Gvern ma lissinx kelma waħda. Jien semmejtha fil-Parlament diversi drabi.

Is-skiet tal-Gvern kien u għadu jtarrax. Skiet tombali.

Meta jmissek tmur tixtri u issib li reġa’ għola l-ħaxix jew il-laħam jew it-trab tal-ħasil, issa taf għala.

Jason Azzopardi

About

I believe that each one of us has to carry out his ordinary duties in an extraordinary manner each day. Kandidat f'isem il-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali fuq ir-4 u id-9 Distrett.