Il-proposta tal-Partit Laburista fil-Manifest elettorali tal-2017 hija ċara:

“L-Enemalta tibda proġett pilota biex kull fejn hu possibbli, jitneħħew l-arbli tad-dwal u wires żejda minn mal-faċċati tad-djar u n-negozji. Dan il-proġett ambizzjuż għandu jwassal biex fuq perijodu ta’ seba’ snin, jitnaqqas drastikament dan l-isfreġju u inkonvenjent li għandu jwassal ukoll għal dehra ambjentali aħjar kif ukoll itejjeb l-esperjenza ta’ mixi pedonali fuq il-bankini. Fil-proċess ikun qiegħed isir titjib sinifikanti wkoll fl-infrastruttura.”

Din il-wegħda saret qabel l-elezzjoni tal-2017, imma llum, ftit ġimgħat qabel ma tibda l-2022, jidher li għadu ma sar l-ebda proġett pilota u jidher li ma hemmx ir-rieda sabiex jitneħħew l-arbli tad-dwal u l-wires żejda minn mal-faċċati.

Bħalissa għaddejjin bosta proġetti infrastrutturali madwar Malta u Għawdex, u dan huwa tajjeb, iżda hemm nuqqas wieħed partikolari. Ġaladarba ma jsirux il-culverts neċessarji sabiex il-cables ikunu jistgħu jgħaddu minn taħt l-art, l-Enemalta ma tista’ qatt tkun f’pożizzjoni li tgħaddi dawn l-istess cables minn taħt l-art.

Il-proġetti li jsiru minn żmien għal żmien fiċ-ċentri tal-irħula, bħalma ġara fil-każ tal-Imqabba ftit tax-xhur ilu, fejn madwar 100 resident, xi negozji u każini, ikkollaboraw mal-Kunsill Lokali u mal-Enemalta sabiex ikunu jistgħu jneħħu l-cables minn mal-faċċati, huma eżempju ċar ta’ kif dan kollu huwa possibbli. Biss, dan huwa possibbli biss jekk ikun hemm il-ħsieb u l-pjan għalih, speċifikament permezz ta’ culverts li jridu jsiru matul ix-xogħol ta’ rinovazzjoni li jkun għaddej.  Sa issa nafu b’bosta każijiet fejn toroq sħaħ inqalgħu, bankini tkissru u reġgħu nbnew mill-ġdid mingħajr ma ġew imħejjin il-culverts neċessarji sabiex l-Enemalta tkun tista’ tgħaddi l-cables minn taħt l-art.

Dan l-isforz għandu jinvolvi wkoll lill-kumpaniji li joffru s-servizz tat-telekomunikazzjoni, u li l-wires tagħhom jinsabu għaddejjin minn mal-faċċati u minn mal-apramorti ta’ diversi residenzi u binjiet oħra. Infakkar kif bejn l-2002 u l-2005, Gvern Nazzjonalista kien neħħa madwar 850km ta’ cables li kienu qed ikerrhu t-toroq tal-Belt Valletta. Sabiex niftiehmu dan daqs id-distanza ta’ bejn Malta u Vjenna.

Ir-raġuni wara l-insistenza tagħna sabiex il-Gvern jibda jonora l-wegħda tiegħu tmur lil hinn minn dik estetika. Hemm ukoll il-kwistjoni tas-sigurtà.  Huwa fatt magħruf u ppruvat, saħansitra b’sentenzi maqtugħa mill-qrati, li l-wires u l-cables mal-faċċati jistgħu jkunu ta’ periklu u jikkawżaw ukoll ħsarat strutturali.  Individwi milqutin b’mod dirett minn din il-problema jirrakkuntaw kif xquq u konsenturi mal-faċċati u fuq il-bjut tagħhom iwasslu wkoll sabiex jidħol l-ilma tax-xita ġewwa.

Hija inġustizzja li individwi li jridu li l-cables u l-wires ta’ mal-faċċati tagħhom jinżlu ġol-art, iridu jħallsu huma għall-ispejjeż, filwaqt li individwi oħra qrib tal-Gvern Laburista jgawdu minn dan is-servizz b’xejn. F’aħbar ta’ inqas minn xahrejn ilu rajna kif individwu qrib ħafna tas-Sindku taż-Żurrieq għamel pressjoni sabiex ikun aġevolat hu biss anki jekk residenti fl-istess żona kienu ilhom jagħmlu talbiet simili sabiex il-wires għaddejjin minn mal-faċċati tagħhom ma jibqgħux hemmhekk.

Minbarra l-wegħda elettorali li saret fl-2017 mill-Partit Laburista u li sa issa għadha ma ġietx onorata, infakkar li ninsabu fl-aħħar ftit ġimgħat tal-2021 u għadna qed nibqgħu nsostnu sistema primittiva li minbarra li tkerrah l-irħula ta’ Malta u Għawdex, qed toħloq ukoll inkonvenjent għal bosta Maltin u Għawdxin.

Clifford Zahra Fenech

About

Għalliem. Ma nħallix għal għada dak li nista' nagħmel illum. Kandidat f'isem il-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali fuq is-7 Distrett.